Il-President Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ministru Carmelo Abela iżuru t-Taqsima YOURS fl-Imtaħleb

Ilbieraħ waranofsinhar, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, għamlu żjara fil-Young Offenders Unit Rehabilitation Services (YOURS) fl-Imtaħleb, limiti tar-Rabat. Il-YOURS tagħmel parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 

Il-President Coleiro Preca u l-Ministru Abela intlaqgħu mid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Paul Debattista, u minn Alex Grech, li huwa responsabbli mit-tmexxija tal-YOURS. Huma daru mal-post fejn iltaqgħu mar-residenti kif ukoll mal-impjegati tal-post.

 

Il-President raddet ħajr lill-Ministru Carmelo Abela għall-impenn tiegħu biex ikompli jsaħħaħ l-operat mhux biss fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda wkoll fit-Taqsima tal-YOURS. Hija qalet li dan ikompli jimliha b’kuraġġ u jagħmilha wkoll ferħana meta tara x-xogħol siewi li qed isir kemm min-naħa tal-Ministeru kif ukoll mill-impjegati tal-faċilità.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela, filwaqt li rringrazzja lill-President taż-żjara tagħha, qal li minkejja li kull wieħed involut qiegħed jagħti s-sehem tiegħu, hemm min lest li jagħti aktar. Huwa qal lill-President li l-fatt li hi tiġi żżur il-Faċilità Korrettiva u ssegwi x-xogħol fi ħdan l-istess Faċilità, tixprunhom li jagħmlu aktar, u dan għax jafu li hemm President li se jsibu appoġġ mingħandha.

 

Il-Ministru Carmelo Abela qal li din is-sena se jkunu qegħdin jaraw aktar xogħol, u għalhekk se jkun hemm il-bżonn ta’ aktar appoġġ, mhux biss internament fil-ministeru tiegħu, iżda anke minn oħrajn, kemm f’għajnuna umana, kif ukoll finanzjarja.