Il-President ta’ Malta f’diversi laqgħat ma’ entitajiet ta’ sptarijiet li jagħtu kura lill-Maltin u l-Għawdxin

Waqt żjara uffiċjali f’Londra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, kellha diversi laqgħat ma’ entitajiet ta’ sptarijiet li jagħtu kura lill-Maltin u l-Għawdxin, fejn iddiskutiet kif jistgħu jiġu megħjuna dawk kollha li jmorru l-Ingilterra għall-kura.  Fost dawn, il-President iltaqgħet ma’ rappreżentanti minn Kings College, Great Ormond Street Hospital, u University College London Hospital.
 
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ukoll ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, bħal m’huma s-Sick Children’s Trust u Tavistock Centre for Couple Relationships, fejn iddiskutiet proġetti ta’ kollaborrazzjoni u taħriġ rispettivament.
 
F’laqgħa mar-Royal Commonwealth Society, il-President ta’ Malta ddiskutiet  kif din is-soċjetà  tista’ tqajjem aktar kuxjenza u tagħrif dwar il-Commonwealth fid-dinja tal-lum.  Ir-Royal Commonwealth Society stiednu lill-President ta’ Malta għal Commonwealth Observance, li se ssir fid-9 ta’ Marzu fWestminister Abbey, fl-okkażjoni tal-Commonwealth Day.
 
Waqt laqgħa oħra, din id-darba mal-Prince’s Trust f’Londra, il-President iddiskutiet kif se tinbena kollaborazzjoni flimkien ma’ din it-trust, fi proġetti li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ Maltin.
 
Il-President ta’ Malta ġiet mistiedna ukoll biex, fit-12 ta’ Marzu, tattendi għal Celebrating Success Awards,mtella’ mill-Prince’s Trust. Waqt din iċ-ċeremonja, il-Prinċep Karlu jippremja liż-żgħażagħ li rnexxielhom joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol jew negozju għalihom infushom, u li b’xi mod, kellhom impatt pożittiv fuq il-komunità lokali tagħhom.  Dawn iż-żgħażagħ irnexxielhom joħolqu l-opportunitajiet wara li ngħataw permess ta’ grant li ngħatat lilhom mill-istess Prince’s Trust.
 
Fl-aħħar taż-żjara tagħha, il-President kellha laqgħa mal-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta t-Tieni fil-Palazz Buckingham.