Il-President ta’ Malta fl-indirizz tagħha fis-Summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli fi New York – “Il-Foqra stennew iżżejjed”

Fid-diskors tagħha fis-summit tal-Ġnus Magħquda fuq il-miri għal żvilupp sostenibbli  fi New York, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-foqra stennew iżżejjed biex jaraw xi tip ta’ differenza mill-miri għal żvilupp sostenibbli u għalhekk appellat lill-mexxejja tad-dinja biex lkoll jiġu flimkien u jġibu r-riżultati.  F’appell imqanqal fis-sala tal-assemblea ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-President qalet li l-isforzi mhumiex biżżejjed u li biex il-foqra jintrefgħu ‘l fuq, iridu jinġiebu riżultati konkreti.

Il-President qalet li quddiem tant stejjer fuq il-mezzi tax-xandir, stejjer ta’ inugwaljanza, stejjer ta’ nies mċaħħda mid-drittijiet umani tagħhom, stejjer ta’ individwi jsofru minn diskriminazzjoni, stejjer ta’ faqar estrem, u ta’ dawk li jsofru minn bidla fil-klima, u stejjer ta’ abbuż u esplojtazzjoni tal-vulnerabbli, l-isforzi mhumiex biżżejjed.

 

Saħqet li ċ-ċiklu ta’ poter, privileġġ, u oppressjoni qed ikisser l-opportunitajiet ta’ żvilupp għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

“Dan huwa moment fejn irridu lkoll nemmnu li aħna kapaċi li nisfidaw dawn il-barrieri u naħdmu għall-ġustizzja soċjali billi nġibu r-riżultati għaliex is-sistemi tal-inugwaljanza qatt ma jistgħu jagħtu nifs għall-iżvilupp tal-persuna”

Il-President staqsiet fid-diskors tagħha kif wieħed jista’ jitkellem fuq il-progress, jekk mhux se nitkellmu fuq in-nisa, it-tfajliet, u minoritajiet oħra ta’ ġeneru li qed isofru l-inguwaljanzi fil-ħajja ta’ kuljum.

Staqsiet kif wieħed jista’ jitkellem fuq is-sostenibbilta’  jekk il-faqar ta’ tant miljuni ta’ nies madwar id-dinja qed jaffaċċjaw tant faqar.

Il-President qalet li jekk verament il-mexxejja tad-dinja huma serji fl-impenn tagħhom għal żvilupp sostenibbli, iridu jiġu implimentati miżuri li jindirizzaw is-sistemi li qed iġibu magħhom tant inugwaljanzi madwar id-dinja.

“Bħala mexxejja ma nistgħux nibqgħu ndawwru wiċċna. Bħala mexxejja, irridu nkunu aħna li mmexxu b’saħħa ‘l quddiem l-inklużjoni soċjali, ekonomika u dik politika. Bħala mexxejja irridu nagħtu vuċi tal-veritajiet li għaddejjin minnhom il-komunitajiet tagħna, u rridu nkunu aħna l-promoturi tal-paċi u tal-ġid għall-umanita’ kollha”

Il-President spjegat li dak li għadha kif semmiet mhumiex pożizzjonijiet li jagħmlu lill-mexxejja popolari, imma dan huwa l-mument fejn  il-mexxejja iridu jkunu sodi u ddeterminati biex jiddefendu d-drittijiet tal-vulnerabbli, huma fejn huma.