Il-President ta’ Malta f’laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-Demokrazija fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-Demokrazija fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, is-Sinjura Smardzic Markovic.

 

Id-diskussjoni bejn iż-żewġ naħat iffukat fuq l-irwol tal-organizazzjonijiet tan-nisa fil-ħidma għall-paċi u d-demokrazija, kemm fi ħdan il-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa u kemm fl-Afrika ta’ Fuq. Ġiet diskussa  wkoll it-tnedija tal-Istitut tal-Paċi u l-Ġid tas-Soċjetà bħala inizjattiva tal-President, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, u numru ta’ proġetti fi ħdan dan l-istitut li jistgħu jġibu ’l quddiem il-paċi kemm f’Malta u kemm fir-reġjun tal-Mediterran, u dan bl-appoġġ ta’ għadd ta’ entitajiet ta’ statura dinjija.

 

Iż-żewġ naħat tkellmu dwar kif jistgħu jikkollaboraw fuq diversi oqsma oħra, inkluż numru ta’ proġetti tal-Fondazzjoni tal-President fejn Malta tista’ sservi ta’ mudell.  Waqt il-laqgħa l-President ta’ Malta ġiet mistiedna biex is-sena d-dieħla tieħu sehem attiv meta tiġi varata l-European Children’s Strategy 2016-2020 tal-Kunsill tal-Ewropa.