Il-President ta’ Malta l-mistiedna speċjali tal-World Leaders Forum f’Columbia University fi New York

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu kienet il-mistiedna speċjali u ewlenija bħala Kap ta’ Stat tal-World Leaders Forum organizzat minn Columbia University fi New York.  Dan il-forum fis-snin li għaddew stieden kapijiet ta’ stati ewlenin fosthom lill-ex President Amerikan Bill Clinton, lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Ban Ki Moon u lill-ex President Franċiż Nicolas Sarkozy. 

 

F’sala b’konkorrenza qawwija ta’ studenti u lecturers ta’ Columbia University, il-President iffukat id-diskors tagħha fuq kif l-inugwaljanza tinfetta lis-soċjetà u taffettwa ħażin lis-soċjetà kollha.  Saħqet kif l-istess inugwaljanza taffettwa ħażin ukoll lill-ġustizzja soċjali u lis-sigurtà.

 

Il-President għamlet referenza partikolari għas-sustainable development goals tal-Ġnus Magħquda, imfassla għal bejn is-2015 sas-sena 2030, u li jikkonsistu fi 17-il mira li suppost għandha teqred il-faqar. Il-President spjegat kif l-inguwaljanzi jwasslu għal stat ta’ faqar. Fissret kif il-bidliet fl-attitudnijiet soċjali wkoll qed iwasslu għal inguwlajanzi. Sostniet kif l-istess inugwaljanzi qed iwasslu għal ksur tad-drittijiet umani.

 

Il-President saħqet fuq l-importanza li l-pajjizi jieħdu azzjoni konkreta biex jagħmlu l-bidla li hemm bżonn, u li azzjonijiet konkreti jridu jkunu bbażati fuq id-drittijiet umani, fl-aspetti soċjali, kulturali, ekonomiċi, politiċi u ambjentali.  

 

Fid-diskors tagħha l-President tkellmet fuq kif fl-Ewropa, wieħed minn kull erba’ persuni qegħdin f’riskju ta’ faqar u li dan ifisser li miljuni ta’ nies qed ibatu biex jippruvaw jgħixu ħajja dinjituża.   Saħqet li dan kollu jfisser allura li t-tqassim tal-ġid mhuwiex ugwali. Il-President spjegat li l-inugwaljanzi jġibu inugwaljanzi oħra fejn mhux il-fqir biss jispiċċa jsofri eskużjoni soċjali, imma anki wliedu.    

 

Il-President irrimarkat fuq l-inugwaljanzi fil-pagi bejn il-mara u r-raġel, li hija diskriminazzjoni u inugwaljanza fis-suq tax-xogħol, ibbażata wkoll fuq preġudizzji kulturali fis-soċjetà. Sostniet li din l-inugwaljanza taffettwa għadd kbir ta’ nisa madwar id-dinja, u li xxekkel anki l-iktar ekonomiji avvanzati anki fil-Punent. Saħqet li l-istess inugwaljanza twassal għal iktar faqar fost in-nisa.

 

Il-President qalet li t-triq lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, hija opportunità biex kull ġeneru jgawdi d-drittijiet tiegħu. Spjegat li meta sseħħ din ma ssirx billi jitnaqqsu d-drittijiet tar-raġel, imma li ġġib lin-nisa fuq l-istess livell.   

 

Wara d-diskors il-President wieġbet il-mistoqsijiet ta’ għadd ta’ studenti tal-istess Università, liema mistoqsijiet kienu fuq diversi aspetti tal-iżvilupp sostenibbli.

 

Qabel ma ħadet sehem fil-World Leaders Forum, il-President Marie-Louise Coleiro Preca kienet il-mistiedna speċjali tal-konferenza internazzjonali ta’ Columbia University fuq l-iżvilupp sostenibbli.  F’dan id-diskors quddiem mijiet ta’ studenti u akkademiċi, il-President ta’ Malta ħabbret il-ħidma li qed issir bejn il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u l-Uffiċċju tal-President biex jitwaqqaf l-Istitut għall-Paċi u l-ġid tas-soċjetà. Dan l-istitut se jitwaqqaf biex jinġiebu flimkien għadd ta’ nies minn setturi varji, ilkoll bil-mira li jaħdmu flimkien fuq diversi ideat li jkattru l-ġid tas-soċjeta.

 

Id-diskors tal-President ġie mxandar fuq is-sit uffiċjali ta’ Columbia University u jinsab aċċessibbli hawn taħt: