Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ssuktat iż-Żjara Statali fis-Slovenja b’ laqgħa mas-Sindku tal-Belt Kapitali Ljubljana Zoran Jankovič. Is-Sindku qal li kien onorat biż-żjara tal-President ta’ Malta filwaqt li wera x-xewqa li jkun hemm skambju ta’ ideat mal-Belt Kapitali Maltija fuq diversi oqsma. Min-naħatagħha, l-President qalet li tħares ‘il quddiem biex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-bliet kapitali tagħhomtiġimsaħħa.
Wara din il-laqgħa, il-President flimkien mas-Sindku mxiet fil-parti qadima tal-Belt ta’ Ljubljana, sakemm huma waslu Druga Violina, ristorant li jħaddem persuni b’diżabilità. Il-President faħħret din l-inizjattiva u qalet li din hija filosofija simili ta’ dik li diġàjħaddan l-Uffiċċju tal-President u filosofija li se tiġi mħaddna wkoll f’entitajiet oħra fi ħdan l-Presidenza.
Il-President ta’ Malta żaretiċ-ċentru Draga ġewwa Ig fil-limiti ta’ Ljubljana. Dan iċ-ċentru ġie stabbilit fis-sena 1984 u joffri edukazzjoni, kura, abitazzjoni u appoġġ lil tfal u żgħażagħ b’ħiliet differenti. B’kollox hemm madwar 470 tifel u tifla li jagħmluużu minn dan is-servizz li huwa ffinanzjat mill-Istat.
Waqt din iż-żjara, il-President qalet li dan kien kunċett interessanti li fih jinkludi l-interessi ta’ dawk kollha li għandom kapaċitajiet differenti. Hi saħqet li f’Malta hemm għadd kbir ta’ inizjattivi simili, kemm mill-istat kif ukoll mill-privat u allura ikun interessanti li ċentrubħal dak ta’ Dragajgħin lil Malta biex dan is-settur jissaħħaħ.
Il-President temmet l-impenji tagħha b’laqgħat mar-rappreżentanti ta’ Slovene Philantropy, assoċjazzjoni li taħdem favur il-promozzjoni tal-volontarjat, rappreżentanti miċ-Ċentru Ključ li jaħdem favur il-ġlieda kontra THB, u rappreżentanti minn SLOGA, pjattaforma għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.
Iż-Żjara Statali fis-Slovenja tintemm illum. Matul din iż-żjara l-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella.