Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tiftaħ Esibizzjoni tal-Arti mill-Kulleġġ San Injazju

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat l-esibizzjoni tal-arti bit-tiltu ta’ ‘ILMA’ mtellgħa mill-istudenti tal-Kulleġġ San Injazju b’risq il-Malta Community Chest Fund  fil-Palazz il-Belt Valletta.
 
Il-President ta’ Malta faħħret l-inizjattiva ta’ dawn l-istudenti li bil-ħiliet artistiċi tagħhom mhux biss kienu kapaċi jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom iżda li permezz ta’ dan se jkunu qed jgħinu lill-Malta Community Chest Fund.
 
Din l-esibizzjoni tal-arti fil-Palazz il-Belt Valletta taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta qed tittella’ bl-għajnuna finanzjarja mill-Bank HSBC bħala parti mill-kampanja tiegħu, ‘Catch the Drop’. Filfatt it-tema tal-wirja ser tkun l-ILMA fis-sens wiesa’ tiegħu. 
 
Ix-xogħlijet tal-istudenti magħżula għall-wirja ser ikunu qed jinbiegħu b’Silent Auction. Kull min iżur il-wirja bejn is-16 u d-29 ta’ Marzu 2015, jista’ jimla l-formola li ser ikun hemm fis-sala tal-wirja u jikteb fiha kemm lest li jagħti bħala donazzjoni. Dawn il-formoli jitpoġġew ġo kaxxa apposta li se tkun fis-sala tal-wirja wkoll.
 
Id-donazzjonijiet kollha se jingħataw lill-Community Chest Fund. Fl-għeluq tal-wirja din il-kaxxa tinfetaħ. Kumitat magħmul apposta jiftaħ l-formoli biex jara kemm ikunu nġabru donazzjonijiet u jinforma lil kull min ikun għamel l-ogħla donazzjoni biex jiġbor il-biċċa xogħol li jkun għażel.