Il-President ta’ Malta qalet li tinsab fiduċjuża li l-Maltin mil-lokalitajiet rispettivi tagħhom, rrapreżentati mill-gvernijiet lokali, jifhmu u jħossu r-realtajiet tal-Malta Community Chest Fund u l-bżonn li nuru solidarjetà b’saħħitha f’mumenti iebsa bħal ma huma sitwazzjonijiet ta’ mard.
Hija spjegat kif il-Malta Community Chest Fund qed taffaċċja realtajiet ta’ mard bħal kanċer, li l-kura tiegħu żdiedet iżda din iġġorr magħha spejjeż kbar u għalhekk il-fond tal-MCCF irid jissoda u jitkabbar biex l-appoġġ ikun wiehed sħiħ. Hija qalet li bħala President ma tridx li jkollha sitwazzjoni fejn ikollha tirrifjuta milli tagħti għajnuna minħabba l-limiti ta’ dan il-Fond Nazzjonali u għalhekk temmen li bl-entużjażmu u l-fehma tal-Maltin għal bżonn ta’ tisħiħ fis-solidarjetà, dan il-Fond verament jista’ jikber u jissaħħaħ.
Waqt il-laqgħa kienu bosta sindki u kunsilliera li rrispondew b’mod pożittiv għall-appell tal-President u tkellmu fuq attivitajiet li mistennija jorganizzaw b’risq il-Malta Community Chest fil-lokalitajiet tagħhom.
Il-laqgħa ġiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo u mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Gvernijiet Lokali David Agius, li lkoll wegħdu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-appell tal-President biex il-ħidma fil-lokalitajiet b’risq l-MCCF tissaħħaħ. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo spjega l-bżonn ta’ ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà ma’ min hu vulnerabbli u li meta komunità tesperjenza din l-għaqda f’appoġġ għal għan wieħed, is-sodisfazzjon ikun kbir ħafna. Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni David Agius qal li hija realtà li fejn ikun hemm il-mard, fosthom dak tal-kanċer, tista’ tkun min tkun, għax l-appoġġ sew morali u dak finanzjarju se jkun hemm bżonnu minħabba li l-ispejjeż tal-kura huma kbar ħafna. Huwa sostna li għalhekk hemm bżonn li l-appell tal-President jinstema’, jinftiehem u li ssir ħidma ikbar b’risq il-Malta Community Chest Fund.