Waqt żjara fl-Ambaxxata ta’ Malta fi Brussell, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca kellha laqgħa mal-Maltin li jgħixu fil-Belġju.
Matul din il-laqgħa, il-President tkellmet dwar ir-responsabbiltà li għandhom dawk li jgħixu ‘il-bogħod minn xtutna, kemm fil-Belġju u kif ukoll fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Il-President spjegat kif in-nies li jgħixu u jaħdmu barra minn Malta għandom ikunu dawk li jgħollu l-viżibilità ta Malta u li dan jistgħu jagħmluh ghax huma il-ħolqa diretta bejn Malta u l-kumplament tad-dinja.
Marie Louise Coleiro Preca kellha wkoll kliem ta’ tifħir għall-Ambaxxaturi ta Malta kollha, li tant qiegħdin jagħmlu xogħol imprezzabli f’dak li jirrigwarda l-investiment u l-attivita’ ekonomika li huma qiegħdin iġibu lejn Malta.
Il-President għamlet appell lill-kommunità Maltija, fejn stidnithom biex huma wkoll ikunu parteċipi fil-ġbir ta fondi ghall-Malta Community Chest Fund. Hi spjegat kif hemm bżonn ammont sostanzjali ta’ fondi, biex tkun tista tintlaħaq id-domanda għall-għajnuna, li kulma jmur qiegħda tikber.
Temmet billi qalet li aħna lkoll msejħa biex nkunu responsabbli, speċjalment lejn l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna, u l-Malta Community Chest Fund trid tkompli tilħaq dan il-għan.
Matul din il-laqgħa, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mir-raġel tagħha, is-Sur Edgar Preca, mill-Ambaxxatur Malti għal Belġju Ray Azzopardi, u mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatriċi Marlene Bonnici.