Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tissokta biż-żjarat fl-iskejjel biex tagħti attenzjoni kbira għal dak li għandhom xi jgħidu t-tfal

 
l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret żewġ skejjel fir-Rabat u dan bil-għan biex tagħti attenzjoni sħiħa għal dak li għandhom xi jgħidu t-tfal.
 
L-ewwel skola li żaret kienet dik tas-Seminarju f’tal-Virtù, Ir-Rabat, fejn hemmhekk il-President ġiet milqugħa b’entużjażmu mill-istudenti ta’ din l-iskola b’attività fis-sala prinċipali.  Wara li indirizzat lit-tfal ta’ din l-iskola, il-President marret titkellem mat-tfal fi gruppi mingħajr il-preżenza tal-għalliema bil-għan li t-tfal iħossuhom liberi li jesprimu ruħhom fuq diversi suġġetti. Il-President ta’ Malta tutilizza dan il-ħin biex tagħti attenzjoni u tisma’ hi mingħand it-tfal dwar kif iħossuhom fl-iskola u anki fil-ħajja inġenerali.
 
Wara, il-President ta’ Malta żaret l-iskola primarja tal-Kulleġġ ta’ San Nikola fir-Rabat, fejn hemmhekk ukoll iltaqgħet mal-istudenti kollha ta’ din l-iskola, u baqgħet impressjonata bil-mod intelliġenti li bih jesprimu ruħhom dawn l-istudenti.  Din l-iskola għandha kunsill tal-istudenti li jiġi elett mill-istess studenti fl-iskola biex b’hekk ikollhom lil xi ħadd jirrappreżenta x-xewqat tagħhom.
 
Il-President qalet li t-tfal għandhom ħafna talenti u ideat sbieħ x’joffru lis-soċjetà, u li hi bħala President għandha ħafna interess li timbotta ’l quddiem il-bżonnijiet u x-xewqat tal-istess tfal.
 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca se tissokta b’dawn iż-żjarat fl-iskejjel kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex biex tagħti widen għal dak li għandhom xi jgħidu t-tfal Maltin u Għawdxin.