Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca varat is-sitt edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run, li se ssir il-Ħadd, 23 ta’ Novembru fl-10am. B’differenza minn snin oħra l-Fun Run ta’ din is-sena se jkollha erba’ rotot, ġirja minn San Anton, u tlett rotot għal min irid jimxi, mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, minn Santa Venera, u mill-Campus tal-Università ta’ Malta.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Fun Run ta’ din is-sena se tkun enerġija, entużjażmu u festa kbira ta’ solidarjetà. Spjegat li għall-ewwel darba l-Fun Run se titlaq minn erba’ rotot differenti biex tkun aċċessibbli għal kulħadd u barra minn hekk se jkun hemm ukoll il-possibbilità biex min irid jimxi jew jiġri biċċa inqas mill-Fun Run, jista’ jagħmel dan billi jistenna mill-Furjana, biex b’hekk kulħadd ikun jista’ verament jagħti sehmu.
Il-President appellat biex it-timijiet kollha nazzjonali Maltin għall-isport, fosthom it-tim nazzjonali tal-Futbol, tal-Basketball, Rugby, u ta’ kull dixxiplina oħra sportiva jiġu b’entużjażmu għal din il-Fun Run li permezz tagħha tagħti kuraġġ kbir lil min ikun qed ibati. Il-messaġġ ta’ tant eluf ta’ nies li jingħaqdu għal għan wieħed ta’ imħabba u solidarjetà, ċertament iwassal messaġġ b’saħħtu ta’ kuraġġ lil min jinsab għaddej minn sitwazzjoni iebsa bħal ma huwa l-mard.
Il-President appellat ukoll biex tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani, ilkoll jingħaqdu f’din il-festa ta’ solidarjetà. Hija rringrazzjat liż-żgħażagħ li permezz ta’ Solidaritree, f’din il-Fun Run se juru l-entużjażmu tagħhom meta lkoll se jitilqu mill-Università.
Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairman ta’ Banif Bank, Dr Michael Frendo li spjega kif għas-sitt sena konsekuttiva Banif Bank ħa l-impenn li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-President’s Solidarity Fun Run. Dr Frendo qal li kull sena din il-ġirja tagħti ħafna emozzjonijiet u li tkun mistennija b’ħerqa kbira. Huwa qal li meta wieħed jara folla altruwista ta’ nies li jinġabru f’atmosfera ta’ ħbiberija, l-entużjażmu jittieħed u jsir parti integrali mill-eċċitament tal-Fun Run. Bħal kull sena, 12–il fergħa ta’ Banif Bank f’Malta u Għawdex se jkunu miftuħa biex jilqgħu l-applikazzjonijiet għall-Fun Run.
Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius li ħeġġeġ biex din il-Fun Run tkun festa kbira ta’ solidarjetà, fejn permezz tal-isport, il-poplu jingħaqad għal għan wieħed ta’ solidarjietà.
Tkellem ukoll il-Kelliem Ewlieni għall-Oppożizzjoni għall-Isport, Robert Cutajar li min-naħa tiegħu wiegħed l-impenn tal-Oppożizzjoni li tagħti appoġġ sħiħ għal din il-Fun Run u għal kull attività tal-Istrina.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Fun Run, is-Sur Mark Cutajar spjega kif il-Fun Run ta’ din is-sena se jkollha wkoll trasport pubbliku b’donazzjoni ta’ 50 ċenteżmu għal kull min jixtieq trasport għad-destinazzjoni ta’ kull rotta tal-Fun Run ta’ din is-sena. Huwa spjega kif il-Fun Run għandha il-faċilità ta’ 4 rotot biex verament tkun aċċessibbli għal kulħadd u ħeġġeġ biex il-kumpaniji Maltin u Għawdxin jiġu fi gruppi u jirrappreżentaw il-kumpaniji tagħhom biex tkompli tissaħħaħ it-turija ta’ għaqda u solidarjetà.
The President’s Solidarity Fun Run fetħet illum u kulħadd jista’ japplika b’donazzjoni ta’ 10 ewro biss, minn kull fergħa ta’ Banif Bank, mill-Eurosport ta’ Birkirkara, mill-Palazz ta’ San Anton u mill-Palazz il-Belt, jew onlajn minn funrun.org.mt.