Diskors mil-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt l-għoti ta-premju ‘b’Ħilti Wasalt’

Għeżież ħbieb

 

Huwa pjaċir tiegħi li ningħaqad magħkom mill-ġdid biex nippreżenta l-premju nazzjonali ta’ kisba personali, b’Ħilti Wasalt.

 

Din is-sena l-persuna li jistħoqqilha tirċievi dan il-premju hija Joan Agius, persuna magħrufa sew u maħbuba mill-komunità taż-Żejtun.

 

Joan hi ta’ sapport għall-komunità tagħha u ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li jafuha.

Nixtieq naqsam magħkom fil-qosor l-istorja ta’ Joan, li jixraq li tkun magħrufa ma’ pajjiżna kollu, għax Joan hija mudell mill-aqwa għal dawk kollha fostna li jixtiequ li ħajjithom tkun ta’ siewi u ta’ servizz għall-oħrajn.

 

Minn mindu ngħaqdet mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun fl-1994, Joan dejjem offriet l-għajnuna tagħha u kliem ta’ tama lil dawk fil-bżonn. Matul ħajjitha, Joan ħadmet biex teqred il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u ħadmet favur id-dinjità u d-drittijiet ta’ dawk żvantaġġjati, vulnerabbli, bi ħtiġijiet speċjali u l-anzjani.

 

Dak li jagħmel il-ħidma ta’ Joan tant speċjali, huwa l-fatt li minkejja li hija mara tal-familja u omm, u ġarrbet esperjenzi personali profondi, Joan ħabtet wiċċha ma sfidi tal-ħajja, iżda sabet il-forza ġo fiha, biex timxi ’l quddiem u anke taħdem b’risq ħaddieħor.

 

Bħala kunsilliera, Joan użat il-ħiliet u l-kreattività biex tkattar il-ġid u twettaq solidarjetà fil, u mal-komunità Żejtunija.

 

Bħala preżentatriċi u producer ta’ programmi tar-radju, Joan ikkreat spazju sigur fejn persuni jistgħu jaqsmu ħsibijiethom u jsibu l-għajnuna meħtieġa.

 

Bħala ċ-chairperson ta’ “L-Għaqda Foklore, Storja, Arti u Artiġjanat taż-Żejtun”, Joan qed tippromovi u tħeġġeġ il-ħarsien tal-wirt ta’ dawn il-gżejjer.

 

Bħala l-manager ta’ “Il-Manuċċa Child Care Centre” u ċ-chairperson taż-“Żejtun Kids Club”, Joan hija kommessa bil-kbir b’inizjattivi prattiċi, li jassiguraw il-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità.

 

Iżda mhux hekk biss, ftit ta’ snin ilu, Joan iggradwat b’diploma fil-Labour Studies mill-Università ta’ Malta. Joan kompliet taħdem biex tikseb aktar għerf ħalli tkun tista’ bħala persuna, tkun aktar kompluta u tagħti servizz aħjar. Joan Agius hija eżempju ċar ta’ kif tkun ċittadina attiva, b’valuri ta’ solidarjetà profonda u b’sens ċiviku mill-aqwa.

 

Permezz tal-karattru tagħha li ma tħalli l-ebda sfida tegħleb l-impenn tagħha lejn l-oħrajn, speċjalment dawk fil-bżonn, Joan hija membru mudell u gwida tal-komunità Żejtunija.

 

Jien nemmen bis-sħiħ li huwa biss meta nagħmlu ħajjitna eżempju ta’ solidarjetà u sapport li nkunu nistgħu nbiddlu l-komunità li ngħixu fiha, u noħolqu komunitajiet ta’ għaqda, paċi u ġid fil-gżejjer Maltin.

 

Għalhekk hija daqstant importanti ċ-ċerimonja ta’ dalgħodu. Għax titfa’ dawl fuq il-qawwa inkredibbli li persuna jista’ jkollha biex tibdel il-komunità ta’ madwarha.

 

Irrid nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil-Laboratorju tal-Paċi Ġwanni XXIII li ħolqu din il-pjattaforma, li qed iġġib il-quddiem persuni ta’ eżempju kbir.

 

Nirringrazzja ukoll lill-kollaboraturi kollha li jappoġġjaw din l-inizjattiva.

 

Għalhekk, irrid inkompli inħeġġeġ biex kull wieħed u waħda minna, nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nenfasizzaw il-qawwa u l-forza ta’ nies li jkunu kapaċi jegħlbu l-problemi tagħhom u jtejbu ħajjithom u ħajjet ħaddieħor.

 

Ejjew nitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom u nsibu modi ta’ kif nibnu dik il-qawwa fost il-familji u l-komunitajiet tagħna.

 

Ejjew nistinkaw biex noħolqu soċjetà fejn l-għaqda, il-paċi u l-ġid ikunu parti essenzjali mill-ħajja ta’ kull individwu jew individwa, għal ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

 

Nirringrazzjak minn qiegħ qalbi Joan, li għamilt minn ħajtek mudell ta’ bżulija b’solidarjetà, u fil-proċess qsamt messaġġ ta’ tama u kuraġġ.