Il-President ta’ Malta tgħid li dawk bla saqaf fuq rashom f’Malta m’għandhomx viżibilita’

Waqt diskors li tat f’konferenza organizzata mill-Anti Poverty Forum, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dawk bla saqaf fuq rashom m’għandhomx viżibilità minkejja li hija problema soċjali mill-iktar reali.
 
Il-President fakkret kif meta nawgurat l-bini l-ġdid tal-Parlament Malti, appellat lill-membri tal-Kamra biex jagħmlu l-almu tagħhom sabiex ifasslu liġijiet immirati lejn it-tnaqqis drastiku tal-faqar relattiv u assolut. Elenkat kif f’pajjiżna statistika xejn sabiħa f’Malta fejn, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kwart mill-popolazzjoni tagħna tgħix fil-faqar, jew f’riskju tal-faqar.
 
“Għandna persuni fuq il-paga minima li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispiża tal-ħajja, u għalhekk, jeħtieġ li ma ndumux ma naraw lill-politiċi tagħna jiddiskutu l-introduzzjoni ta’ paga soċjali (social wage). 
 
Il-President semmiet ukoll lil dawk in-nies li jgħixu f’substandard housing. Hawn Malta, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, hawn 22% ta’ postijiet fejn jgħixu n-nies li m’għandhomx kamra tal-banju jew shower għalihom, u/jew għandhom saqaf iqattar u ħitan bl-umdità, jew twieqi u art mhux f’qagħda tajba.
 
Il-President qalet li tinsab inkwetata fuq il-fatt li numru kbir ta’ dawk li jsibu ruħhom bla saqaf huma żgħażagħ. Hemm minnhom li joħorġu mill-ħabs, u għalhekk ma jkollomx fejn imorru.  Oħrajn ikunu għadhom kemm ħarġu minn out-of-home care, jew istituzzjoni, u qed isibuha difficli   biex jintegraw b’mod olistiku fis-soċjetà tagħna.
 
“Għal dan il-għan, qed noħolqu, fi ħdan il-Presidenza, diversi inizzjattivi biex intejbu l-ġid tas-soċjetà Maltija.  Matul din il-Presidenza, qed infittxu li naħdmu għal ġid ta’ dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna, inkluż dawk li qed ibatu mill-faqar u esklużjoni soċjali. Il-ġimgħa li għaddiet waqqafna The President’s Trust biex tagħti sostenn liż-żgħażagħ li huma emarġinati, maqtugħa mis-soċjetà, bla edukazzjoni u bla prospetti ta’ xogħol.”
 
Il-President appellat li l-ekonomija tal-pajjiż għandha twieżen lid-dgħajjef u lil dawk kollha li huma vulnerabbli biex verament titwettaq il-ġustizzja soċjali.