Il-President ta’ Malta tissokta biż-Żjara Statali fis-Slovenja

​​

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tat bidu għall-impenji uffiċjali waqt iż-Żjara Statali fir-Repubblika tas-Slovenja.
 
Mal-wasla tagħha fil-Pjazza Kongresni trg, Il-President ta’ Malta kienet milqugħa minn Borut Pahor, President tas-Slovenja. Wara d-daqq tal-innijiet nazzjonali, iż-żewġ kapijiet ta’ Stat spezzjonaw il-gwardja tal-Unur u introduċew id-delegazzjonijiet tagħhom. Il-President kellha wkoll l-opportunità li tiltaqa’ man-nies preżenti fosthom grupp ta’ Maltin li qegħdin fil-pajjiż minħabba raġunijiet ta’ xogħol.
 
Il-President imbagħad kellha laqgħat bilaterali mal-President tar-Repubblika tas-Slovenja; mal-President tal-Assemblea Nazzjonali, Dr Milan Brglez u mal-Prim Ministru Sloven, Dr Miro Cerar.
 
Il-President ta’ Malta qalet li r-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn Malta u s-Slovenja trid tkompli tiżviluppa fuq livell ekonomiku, edukattiv, kulturali u soċjali.
 
Il-President semmiet il-laqgħa li kellha riċentament mal-komunità Slovena f’Malta u qalet li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi beda permezz tan-nies. Dan joħroġ ukoll mill-fatt li ħafna Maltin jagħżlu s-Slovenja bħala d-destinazzjoni għas-safar tagħhom.
 
Hija tenniet ukoll li s-suċċess li għandu dan il-pajjiż fis-settur sportiv u edukattiv jista’ jwassal biex fil-futur isiru inizjattivi ta’ ġemellaġġi bejn skejjel Sloveni u skejjel Maltin biex l-isport jiġi integrat aktar fis-sistema edukattiva Maltija. Il-laqgħat trattaw suġġetti kurrenti bħall-migrazzjoni u s-sitwazzjoni ta’ kunflitt li hemm fl-Afrika ta’ Fuq kif ukoll f’pajjiżi oħrajn bħall-Ukrajna u l-Kosovo. Kien hawn fejn il-President ta’ Malta qalet li l-pajjiżi ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jingħaqdu flimkien b’vuċi waħda biex l-Istituzzjonijiet Ewropej jieħdu azzjoni fuq l-immigrazzjoni li m’għandiex titqies bħala problema nazzjonali iżda bħala waħda reġjonali u internazzjonali.
 
Il-President tas-Slovenja qal li bħala membri ta’ familja Ewropea jeħtieġ li r-rapport bejn iż-żewġ pajjiżi jkun wieħed bbażat fuq l-fiduċja u huwa jemmen li din il-bażi diġà qiegħda hemm u allura ma jara l-ebda raġuni biex ir-rapport bejn iż-żewġ pajjiżi ma jissaħħaħx.
 
Il-President żvela  li se  jkun qed ifittex l-għajnuna ta’ Malta għall-iżvilupp tal-Port ta’ Koper wara li ra l-istorja ta’ suċċess tal-Port Ħieles ta’ Malta.
 
L-istorja ta’ suċċessi diplomatiċi Maltin kienet ukoll fiċ-ċentru tal-laqgħat mal-President tal-Assemblea Nazzjonali Dr Milan Brglez fejn dan stqarr li għalkemm Malta huwa pajjiż żgħir, hemm ħafna li wieħed jista jitgħallem u semma wkoll li jkun interessat biex jsir skambju ta’ ideat ma’ delegazzjoni Parlamentari Maltija.  Il-President ta’ Malta qalet li dan ukoll huwa metodu ieħor ta’ kif tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
 
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Dr Miro Cerar tqajjem ukoll il-punt dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja fejn jidher li hemm qbil bejn iż-żewġ pajjiżi li minkejja li wieħed jissimpatizza mal-fatt li l-poplu għaddej minn perjodu diffiċli minħabba l-passat, Malta flimkien ma’ pajjiżi Ewropej oħra taqbel li ma jistax ikun hemm maħfra tal-bailouts li ngħataw fil-passat.
 
Matul dawn il-laqgħat il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata minn Dr George Vella, Ministru tal-Affarijiet Barranin kif ukoll mis-Sur Alfred Zarb, Ambaxxatur Malti għas-Slovenja.
 
L-impenji tal-President ta’ Malta fis-Slovenja jkomplu għada fejn mistenni jkun hemm laqgħat ma’ organizzazzjonijiet soċjali kif ukoll laqgħa mas-Sindku ta’ Ljubljana, Zoran Jankovič.