IL-PRESIDENT TA’ MALTA TKOMPLI BIL-ĦIDMA TAGĦHA LI TISMA’ DAK LI GĦANDHOM XI JGĦIDU T-TFAL PERMEZZ TA’ ŻJARAT FL-ISKEJJEL

 Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu ssuktat biż-żjarat tagħha fl-iskejjel, bi żjara f’St.Edward’s College, u fil-kulleġġ Santa Margerita f’Bormla. Il-President ta’ Malta kellha diskussjoni fit-tul mal-istudenti taż-żewġ kulleġġi f’sessjonijiet apposta fejn mingħajr il-preżenza tal-għalliema, it-tfal tħallew fil-libertà li jesprimu dak li jħossu. Il-President qalet li waqt dawn is-sessjonijiet ħareġ ċar li t-tfal Maltin kapaċi jitkellmu u jartikulaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u huwa għalhekk neċessarju li t-tfal jingħataw l-opportunità li jesprimu ruħhom. 

 Il-President qalet li għal darba oħra f’dawn is-sessjonijiet ħarġu ċar il-preġudizzji li kawża tagħhom it-tfal jgħaddu minn esperjenza ta’ tbatija, anki minħabba bullying. Il-President qalet li hemm bżonn li din l-issue tingħata iktar attenzjoni immedjata biex it-tfal jingħataw l-għajnuna li jkun hemm bżonn.  Spjegat li kawża ta’ diffikultajiet, ikun hemm tfal li jkunu huma l-bullies u li dawn ukoll ikollhom bżonn l-għajnuna u l-attenzjoni. Il-President spjegat kif il-preġudizzji jxekklu l-progress u l-ħajja fit-tfal, u għalhekk ixekklu l-ħajja tas-soċjetà.

 Il-President qalet li f’dawn is-sessjonijiet ħarġu diffikultajiet varji li qed jesperjenzaw l-istudenti, u minnufih dan ġie ikkomunikat mal-kapijiet tal-iskejjel biex il-bżonnijiet tal-istudenti jiġu indirizzati. Aktar minn hekk il-President spjegat li se tagħmel kuntatti fi kwartieri oħrajn, biex id-diffikultajiet imressqin minn dawn l-istudenti jiġu indirizzati b’mod sħiħ u immedjat.

 Iż-żjarat tal-President ta’ Malta se jissuktaw kull xahar sa Mejju li ġej, fejn b’kollox minn Novembru sa Mejju, il-President se tkun żaret madwar għoxrin skola f’Malta u anki f’Għawdex.   Dan l-impenn tal-President se jissokta wkoll fis-sena skolastika ta’ wara, hekk kif il-mira hi li l-President tkun żaret l-iskejjel kollha f’Malta u anki f’Għawdex.

 F’kull skola il-President qed tqassam bookmark bil-kliem tal-Innu Malti, bil-għan li t-tfal jitħeġġu jitgħallmu l-Innu Nazzjonali. ​