Il-President ta’ Malta tniedi żewġ Cartoons bil-Malti b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Malti u l-Assoċjazzoni Write Deal

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu nediet żewġ cartoons bil-Malti ġewwa l-Palazz Verdala.
 
Din l-inizjattiva saret b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti flimkien mal-għaqda mhux governattiva Write Deal. Iż-żewġ cartoons, li nħadmu minn artisti Maltin huma adattazzjoni ta’ żewġ ħrejjef ferm magħrufa mat-tfal; ‘Il-Ħwejjeġ tal-Imperatur’ u ‘Is-Sbejħa Rieqda’.
 
F’diskors li għamlet għall-okkażjoni, il-President faħħret u rringrazzjat lil Write Deal u lill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti li ħadu l-inizjattiva biex jaħdmu flimkien favur il-bilingwiżmu u l-importanza tal-ilsien Malti. Hija qalet li kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u l-għaqda Write Deal hija turija ċara ta’ kif proġett jista’ jirnexxi tajjeb u jiġi implimentat malajr, meta jkun hemm sforz ta’ tim.
 
Faħħret ukoll l-għażla tal-ħrejjef u saħqet dwar l-importanza tal-valuri li dawn iż-żewġ ħrejjef qiegħdin iwasslu.
 
L-istorja tal-‘Ħwejjeġ tal-Imperatur’ twassal messaġġ li ħadd ma għandu jiġi “iġġudikat fuq bażi tan-nazzjonalità tiegħu  minħabba kulur ta’ ġilda differenti”. L-istorja tas-‘Sbejħa Rieqda’ għandha messaġġ ta’ ugwaljanza, li kulħadd huwa kapaċi jasal għas-suċċess tiegħu, ikun ta’ liema sess ikun. L-istorja f’dan il-każ tagħti messaġġ ta’ empowerment lill-bniet biex jibqgħu determinati li jaslu għall-milja tagħhom.
 
Il-President saħqet li dawn it-tnejn huma messaġġi importanti ta’ valuri soċjali li jeħtieġ li jiġu mrawma u msaħħa fis-soċjetà Maltija, speċjalment fit-tfal tagħna. Hija tenniet li b’valuri soċjali b’saħħithom is-soċjetà Maltija tibker, tissaħħaħ u tmantni d-demokrazija.
 
Il-President tkellmet ukoll fuq l-imħabba li bħala poplu jrid ikollna għall-Ilsien Malti. Reġgħet saħqet fuq l-importanza tal-Innu Malti u l-bżonn li dan jiġi kantat għax jidentifikana. Hija qalet li bħala wieħed mill-iżgħar popli fid-dinja; “għandna nkunu kburin bil-lingwa tagħna u nagħmlu mezz biex din inxerrduha, għax jekk nitilfu l-lingwa tagħna, nitilfu parti mill-identità tagħna”.
 
Il-Professur Ray Fabri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, sostna l-istess ideat tal-President u min-naħa tiegħu ħeġġeġ lill-ġenituri biex jużaw il-Malti kemm jista’ jkun mat-tfal tagħhom; fid-diskors, fil-logħob, fit-talb u fil-qari.
 
Tkellmet ukoll, Ruth Frendo mill-NGO Write Deal, fejn spjegat li l-proġett ta’ dawn il-cartoons huwa possibbli grazzi għal SOS Malta, l-Uffiċċju tal-President u l-Kunsill Nazzjonali tal-Malti. Qalet ukoll li dawn il-cartoons se jitqassmu fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, se jkunu wkoll fuq l-Internet, u ser jintwerew fis-swali taċ-ċinema qabel ma jibdew il-films. Aktar tard, dawn se jintwerew ukoll fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.
 
Dan il-proġett qiegħed isir bħala parti mill-iskema EEA Grants NGO Malta Programme.