Il-President ta’ Malta twaqqaf Bank tal-Ħin

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu waqqfet bank tal-ħin, f’inizjattiva li se tiġi varata f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej, it-2 ta’ Ottubru, fuq TVM.

 

L-idea hi li minflok ma l-Malta Community Chest Fund tiġbor il-flus, din id-darba se tiġbor il-ħin li n-nies se joffru minn qalbhom biex jgħinu lil ħaddieħor. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-poplu Malti u Għawdxi minn dejjem kien ġeneruż biex jagħti l-flus, iżda din id-darba minflok flus, se jinġabar il-ħin mingħand dawk li jixtiequ li jagħtu minn ħinhom b’mod volontarju biex jgħinu lil ħaddieħor. Minbarra l-President ta’ Malta li wkoll se tkun qed toffri mill-ħin tagħha fejn se tqatta’ ħin fi djar tat-tfal, se jingħaqdu wkoll f’din l-inizjattiva, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof ta’ Malta.

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-preżentatur tal-programm Xarabank, Peppi Azzopardi qal li:

 

“Minn dejjem kellna l-ħsieb li xi darba flok niġbru l-flus f’Xarabank niġbru l-ħin. Tkellimt mal-President u skoprejt li hi wkoll kellha dan il-ħsieb. Nhar il-Ġimgħa li ġej f’Xarabank se niedu dan il-proġett fejn se nitolbu lin-nies jagħtu l-hin tagħhom” Peppi Azzopardi

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tirringrazzja lill-kumpanija Citadel Insurance għall-appoġġ tagħha biex twaqqaf is-sit Noffri.com; lill-kumpanija iSupport Ltd, lill-GO plc u lil Xarabank. L-inizjattiva Noffri.com se tkun qed titmexxa b’mod volontarju mis-Sur John Bottiglieri.

 

Kif se jaħdem il-Bank tal-Ħin

 

Is-set-up se jkun kopja ta’ meta jinġabru l-flus. Iżda flok flus in-nies se jċemplu biex jagħtu l-ħin.   Biex wieħed jieħu eżempju, il-mekkanik iċempel biex joffri 20 siegħa biex isewwi l-vannijiet lis-sorijiet li jwasslu bihom lit-tfal li jgħixu fid-djar tat-tfal. Ix-xufier joffri 40 siegħa biex iwassal lill-persuni b’diżabilità. L-istudenta ċċempel biex toffri 50 siegħa biex titla’ mal-morda f’ Lourdes.     L-għalliema tagħti 35 siegħa privat lit-tifel li qiegħed marid bil-kanċer l-isptar. L-accountant joffri 40 siegħa lil xi NGO biex iżommilhom l-accounts aġġornati. Żagħżugħ joffri 40 siegħa biex iżomm kumpanija lill-anzjana li tinsab waħidha. Il-hairdresser toffri 20 siegħa għal dawk li għaddejjin minn kimoterapija. Kulħadd għandu ħin li jista’ joffrih għall-volontarjat.

 

Noffri.com

Matul is-sena din il-website se tkun l-għodda li biha se jaħdem dan il-bank tal-ħin, u fl-istess website il-persuni jistgħu jidħlu u joffru l-ħin. Se jkun hemm amministraturi li jkunu qed jilqgħu talbiet min-nies fil-bżonn u jamministraw il-ħin offrut mal-bżonn tal-persuni.

 

Mexxejja li offrew il-ħin

 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed joffri 20 siegħa f’xogħol volontarju mal-persuni li jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed joffri 20 siegħa ta’ xogħol volontarju mal-persuni bil-problema tad-droga fil-Caritas. L-Arċisqof Charles Scicluna qed joffri 20 siegħa jgħin lill-anzjani.

 

Il-whip tal-grupp parlamentari Laburista Dr Godfrey Farrugia li jinsab l-Ingilterra għall-kura, u li se jagħlaq 55 sena,  qed joffri 55 siegħa bħala tabib lill-Malta Community Chest Fund.

 

In-numru – 21 255255

Il-website – noffri.com