Il-President ta’ Malta u l-Grupp Camini…amo jniedu El Camino 2016 b’risq The Malta Community Chest Fund

Illum, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, inawgurat Camino 2016, imniedi mill-grupp Camini…amo b’risq il-Malta Community Chest Fund.

 

Il-President ta’ Malta qabblet il-Camino, bl-isfidi kollha tiegħu u bl-għaqda li jrawwem fost il-parteċipanti ta’ din il-mixja, mal-ħajja.

“Nimxu l-Mixja Flimkien, l-islogan ta’ Camini…amo, jiġbor fih l-għan tal-Malta Community Chest Fund,” stqarret il-President. “Ma’ kull sfida hemm opportunità biex wieħed jgħin. Waqt li jħaddnu din l-isfida tal-camino, il-parteċipanti jew pellegrini jużaw din l-opportunità biex jiġbru fondi għal min hu inqas ixxurtjat.” Il-President raddet ħajr lill-pellegrini li sena wara oħra qegħdin dejjem jiżdiedu fin-numru, u rringrazzjathom talli permezz ta’ dawn il-mixjiet huma qegħdin ikunu minn ta’ quddiem biex iħaddnu l-valur tal-imħabba u l-valur tas-solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn.

 

Il-President irringrazzjat ukoll lill-familji tal-pellegrini għall-appoġġ morali li huma jagħtu lill-pellegrini fix-xhur twal ta’ ħidma u preparamenti li jwasslu għall-bidu ta’ Camino 2016. Fl-aħħar nett, il-President ta’ Malta rringrazzjat ukoll lil Jose María Pons Irazazábal, l-Ambaxxatur Spanjol għal Malta, li sena wara oħra jagħti wkoll is-sapport tiegħu lejn din l-inizjattiva tant nobbli.

 

Matul dawn l-aħħar snin, Camini…amo nieda diversi attivitajiet. L-aktar riċenti kien l-camino ta’ Mejju 2015, fejn 59 pellegrin ġabru madwar 60,000 ewro li ngħataw lill-Malta Community Chest Fund għall-kura tal-kanċer. Il-pellegrini kellhom għażla bejn żewg rotot (Tui fuq il-Camino Portugiż jew Sarria fuq il-Camino Franċiż) u lkoll imxew madwar 120 km sakemm iltaqgħu fil-pjazza tal-Katidral ta’ Santiago de Compostela. Għal Mejju 2016 il-grupp qiegħed jippjana li jiġbor numru akbar ta’ parteċipanti u fondi b’risq il-Community Chest Fund.

 

Il-grupp vara wkoll rotta ġdida għal Mejju 2016. Il-parteċipanti jistgħu jagħżlu waħda mir-rotot tal- 2015 jew il-Camino Ingliż li jibda minn Ferrol. It-tliet rotot jerġgħu jiltaqgħu f’Compostela għall-funzjoni tal-Botafumiera. Għal min jixtieq jestendi l-isfida tiegħu, hemm l-opportunità li wieħed ikompli għal Finisterra mal-kosta tal-Atlantiku, li fil-mitoloġija antika kien meqjus bħala l-aħħar tad-dinja.

 

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm rappreżentanti minn Citadel Insurance plc u Anton Azzopardi & Associates, fost l-ewwel kumpaniji li qegħdin jisponsorjaw il-Camino ta’ Mejju 2016, flimkien ma’ Jose Pons, l-Ambaxxatur Spanjol għal Malta.

 

Il-Pellegrini tal-grupp Camini…amo jħallsu minn buthom għall-passaġġ tal-ajru u għall-alloġġ. Il-flus li jiġbru f’donazzjonijiet jingħataw kollha lill-Malta Community Chest Fund.

 

Min hu interessat għandu jikteb fuq [email protected], iżur is-sit https://www.facebook.com/Experience-adventures-and-more-316548648443451/ jew iċempel lis-Sur Mario Scerri fuq 79286166.