Il-President ta’ Malta żżur id dar kenn għal saħħtek

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret ‘Dar Kenn għal Saħħtek’, fejn appellat li hawn bżonn ta’ iktar għarfien dwar l-obeżità u l-Eating Disorders, biex il-poplu jkun aktar infurmat fid-deċiżjonjiet tiegħu dwar l-istil tal-ħajja li jgħix.

“Huwa għalhekk, li napprezza l-inizjattiva li ttieħdet mill-predeċessur tiegħi, il-President Emeritus, George Abela, meta bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, permezz tal-Malta Community Chest Fund, twaqqfet il-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek, u li nemmen li qed tagħti s-servizzi ħolistiċi, lill-individwi, li qed ibatu minn kundizzjonijiet ta’ obeżità u eating disorders.”

Il-President qalet li hemm bżonn li jiġi żgurat  li l-faċilitajiet hawnhekk jintlaħqu minn aktar nies, u jintużaw kollha, b’mod aktar effettiv, biex l-investiment li sar ikun aktar vijabbli.

“Is-sena l-oħra, waqt iż-żjara tiegħi hawn, kelli l-opportunità wkoll, li nitkellem ma’ persuni, li kienu qed jieħdu l-kura u t-terapija li kellhom bżonn.  Smajt u stajt inħoss ftit mill-bżonnijiet tagħkom, mid-diffikultajiet li għandhom, mill-weġgħat li għaddew, u għaddejjin minnhom.  Stajt nara wkoll iżda, is-sens ta’ kuraġġ u determinazzjoni”

Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta tkellmet mal-persuni li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz.