Il-President ta’ Malta żżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

​ 

 
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-President kienet milqugħa mill-Aġent Direttur tal-Ħabs, is-Sur Ray Zammit.
 
F’messaġġ qasir lill-priġunieri, il-President qaltilhom li jeħtieġ li jerfgħu ir-responsabbiltà ta’ għemilhom u ħeġġithom ukoll biex jużaw l-għodda kollha li hemm għad-dispozizzjoni tagħhom biex jirriformaw ruħhom qabel ma joħorġu mill-Faċilità. Hija tenniet li huwa fid-dmir tagħhom li jroddu lura lis-soċjetà. Huwa proprju hawn fejn il-President irrimarkat li huwa importanti li jiġu imfakkra l-vittmi innoċenti u l-familjari tagħhom.
 
Matul din iż-żjara, il-President kienet akkumpanjata minn rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-viċin mal-priġunieri tal-Faċilità Korrettiva, il-Fondazzjoni RISE, il-Fondazzjoni Mid-Dlam Għad-Dawl u l-Prison Fellowship. Il-President qalet kif sa mill-bidu tal-Presidenza kien hemm kuntatt kontinwu biex ikun hemm koordinament ma’ dawn l-organizzazjonijiet biex b’hekk il-ħidma tagħhom tkun aktar effettiva. Hija saħqet li minbarra li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-priġunieri, ma jistgħux jitħallew barra, u ma jistgħux jintesew id-drittijiet tal-qraba tal-priġunieri fosthom it-tfal, u d-drittijiet tal-vittmi. Il-President qalet li l-Malta Community Chest Fund taħdem id f’id ma’ dawn l-għaqdiet. Kien hawn fejn il-President appellat lill-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tagħti spazju fil-bini tal-ħabs lil dawn l-għaqdiet mhux governattivi ħalli jkunu qrib il-priġunieri fil-mumenti kruċjali tar-rijabilitazzjoni tagħhom.
 
Waqt iż-żjara l-President ġiet mgħarrfa dwar id-diversi oqsma fi ħdan il-Faċilità Korrettiva. Ingħatat informazzjoni wkoll dwar għadd ta’ tibdil li qiegħed isir. Fost dan it-tibdil issa hemm faċilitajiet fejn il-priġunieri jitgħallmu l-mużika u l-arti fi kmamar apposta, dan bil-għan li jiskopru potenzjal li jkunu jistgħu jiżviluppaw fil-ħin li jagħmlu f’Kordin. Is-Sur Zammit spjega kif hemm pjanijiet biex fil-futur qrib tingħata għajnuna psiko-soċjali lill-priġunieri li jkunu waslu biex itemmu ż-żmien tagħhom fil-ħabs biex għalihom tkun simplifikata l-integrazzjoni fis-soċjetà meta joħorgu.