Il-President tappella biex it-tfal ikollhom aċċess effettiv għas-sistema legali Maltija

Wara ċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, il-President ta’ Malta rrifflettiet fuq id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-istrateġija għad-drittijiet tat-tfal għas-snin 2016 sa 2021, li għadha kemm ġiet mnedija mill-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Sofia fil-Bulgarija, u li wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqha hija mibnija huwa propju l-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja.

 

Il-President qalet li t-tfal għandhom ikollhom aċċess għas-sistema ġudizzjarja Maltija—dan mhux talli huwa dritt fudnamentali uman, iżda huwa wkoll dritt li jiftaħ u jagħti assigurazzjoni biex jiksbu u jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal.

 

Il-President Coleiro Preca qalet li t-tfal iridu jkunu kapaċi jifhmu, jużaw u jafdaw is-sistemi legali li jipproteġu u jiffaċilitaw id-drittijiet umani tagħhom. “It-tfal iridu jkunu jafu li l-proċess fih nnifsu huwa kontabbli, effettiv u trasparenti—li jkun denju li jikseb il-fiduċja tat-tfal, u li jkun kapaċi li jilħaq l-ħtiġijiet tal-istess tfal.

 

B’referenza għall-istrateġija għad-drittijiet tat-tfal, il-President qalet li din l-istrateġija għandha tkun bbażata fuq il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda li hija l-iktar strument ratifikat dwar id-drittijiet umani fid-dinja u li jeħtieġ li tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni domestika ta’ kull pajjiż.

 

Filwaqt li rrikonoxxiet u uriet l-apprezzament tagħha lil dawk il-membri tal-ġudikatura li diġà jagħtu widen lit-tfal u lil persuni vulnerabbli, appellat lill-membri kollha tal-ġudikatura biex kulħadd isegwi dawk il-prattiċi li jagħtu tassew aċċess u widen lil kulħadd, inklużi t-tfal u dawk vulnerabbli bħal persuni b’diżabilità u anzjani.

 

Appellat ukoll lill-awtoritajiet biex jipprovdu it-taħriġ meħtieġ għall-membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam.