Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja tal-premju ‘B’Ħilti Wasalt’ – premju nazzjonali għall-għarfien organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi.
Permezz ta’ dan il-premju, il-Laboratorju tal-Paċi qed jidentifika role-models biex tiġi indirizzata l-ewwel Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, maqbula mill-mexxejja tad-dinja fl-2015, li tgħid li sas-sena 2030 irid jiġi eradikat il-faqar, spjegat il-President.
Dawn il-mudelli jgħinu b’mod prattiku “biex inkissru l-faqar u biex nagħtu kuraġġ anke lil dawk fostna li waqgħu lura u li qegħdin fil-periferija”, qalet il-President ta’ Malta.
Il-President ferħet lir-rebbieħ tal-premju ta’ din is-sena, James Barbara, li permezz tal-inizjattiva tiegħu ‘The Food Factory’, juri bis-sħiħ “kif għandna niftħu l-bibien u nagħtu opportunità lil kulħadd. Nirringrazzjah ta’ din ix-xhieda kbira ta’ ġenerożità enormi ma’ nies li lanqas biss jaf”
Il-President żiedet li temmen li “f’Malta nistgħu noħolqu mudell ta’ kif jista’ jinqered b’mod effettiv anke fl-Ewropa, fejn l-aħħar indikaturi qed juruna li hemm mas-27% tat-tfal Ewropej f’riskju ta faqar u 11% li huma severely materially deprived”.
Il-President irringrazzjat lil Patri Dijonisju Mintoff u lit-team tiegħu fi ħdan il-Laboratorju tal-Paċi “ta’ pass ieħor biex jagħtu xhieda kif irridu nimxu ’l quddiem ħalli l-faqar nindirizzawh bis-serjetà”.