Il-President tniedi l-Assoċjazzjoni CORE

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu nediet l-Assoċjazzjoni CORE (Corporate Citizenship for Responsible Enterprises) li nħolqot bil-għan li tikkrea pjattaforma għal djalogu, qsim ta’ ideat, u tagħlim dwar kif f’pajjiżna, il-Corporate Social Responsibility jibqa’ jissaħħaħ.  Dan se jkun qed isir ukoll bis-sehem ta’ imsieħba internazzjonali. Il-President ta’ Malta ffaċilitat u tat appoġġ sħiħ biex l-Assoċjazzjoni CORE, li se tkun qed taqa’ taħt il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, titwaqqaf.

 

Waqt it-tnedija ta’ CORE fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta spjegat kif l-eżerċizzju ta’ CSR ilu jitħaddem minn kumpaniji Maltin għal għadd ta’ snin b’entużjażmu, fejn minbarra l-għan ta’ operat li jrendi l-qligħ fil-kumpaniji, jitħaddmu kunċetti filantropiċi u l-ġid għas-soċjetà. Il-President spjegat kif illum il-kumpaniji rrealizzaw kif tħaddim tan-negozju b’responsabbiltà lejn is-soċjetà huwa ingredjent kruċjali għal żvilupp sostenibbli. Irrimarkat kif il-prinċipju wara s-CSR huwa dak li filwaqt li negozju jimmira li jagħmel il-profitt, jagħmel dan billi jagħti lura lis-soċjetà iktar valur fosthom b’ħarsien għall-ambjent, u ġid lill-komunità.

 

Il-President spjegat kif kumpaniji li jħaddmu is-CSR ikollhom impatt pożittiv fuq il-ġid tal-impjegati u l-motivazzjoni tagħhom. Qalet li kumpaniji li għandhom impenn sħiħ fis-CSR isibuha iktar faċli li jimpjegaw lill-ħaddiema u jkollhom iktar ħaddiema li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu mal-kumpanija bil-benefiċċji li din tal-aħħar iġġib magħha. Iktar minn hekk, illum il-ġurnata qed jiżdiedu klijenti li jippreferu jixtru servizzi jew prodotti minn kumpaniji li jħaddmu s-CSR għaliex iħossu li qegħdin jagħtuhom iktar valur, filwaqt li jiġi mħares l-ambjent.

 

Il-President elenkat riċerka li saret fl-2011 fil-pajjiż mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, fejn instab li 88% tal-kumpaniji f’pajjiżna huma attivi fis-CSR, u li 79% ta’ dawn l-istess kumpaniji ddikjaraw li dan l-eżerċizzju kien ta’ benefiċċju għall-istess operat tal-kumpanija.

 

Stħarriġ li sar sentejn ilu mill-kumpanija Price Waterhouse Coopers żvela kif ħamsin fil-mija tal-kumpaniji lokali ħadmu biex bl-operat tagħhom inaqqsu l-ħsara ambjentali, u jagħmlu użu aħjar tal-ilma, elettriku u mmaniġġjar aħjar tal-iskart.

 

Il-President għalqet billi awgurat lil din l-assoċjazzjoni sabiex tagħmel il-ġid fis-soċjetà, li huwa l-għan li għalih twaqqfet.

Din l-assoċjazzjoni twaqqfet fi żmien opportun meta l-Ġnus Magħquda dalwaqt jippreżentaw il-miri għall-iżvilupp sostenibbli, fejn wieħed minn dawn l-għanijiet hwua proprju li jħeġġeġ lill-pajjiżi u lill-kumpaniji biex iħaddnu l-kunċett tal-Corporate Social Responsibility.