Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet pjattaforma ta’ għaqdiet mhux governattivi fis-saħħa mentali. Din il-pjattaforma tnediet waqt il-Mental Health Expo li fiha ħadet sehem il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’. Din l-attivita’ saret hekk kif illum qed jitfakkar il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.
Il-President rringrazzjat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-saħħa mentali u l-anzjani għal din l-attivita’, fejn tnediet pjattaforma ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu għas-saħħa mentali. Din il-platform flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ se tgħin lil persuni li qed jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali, lill-qraba u lill-familjari tagħhom, kif ukoll ikomplu iqajmu l-għarfien sabiex is-saħħa mentali ma tibqax stigma.
“Nixtieq ukoll nistieden organizzazjonijiet oħra li jaħdmu f’dan il-qasam sabiex jingħaqdu ma’ din il-platform ukoll bl-appoġġ tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.”
Il-President tkellmet fuq il-bżonn ta’ iktar għarfien u ħidma biex persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa bl-akbar dinjita’ u mingħajr stigma u diskriminazzjoni.
Intant it-tema magħżula mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Jum dwar is-Saħħa Mentali huwa ‘Dinjita’ għas-Saħħa Mentali’.
Waqt il-Mental Health Expo f’Tigne Point, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ ħadet sehem f’forum li stieden lin-nies preżenti biex jikkummentaw fuq kif ħajjithom tista’ tgawdi iktar kwalita’ permezz ta’ iktar saħħa mentali.
Il-Forum tal-komunita’ tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ se jkun qed jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu li jmiss fis-suq tal-Birgu fl-10 ta’ Novembru.