Il-President tqassam ċeritifikati lin-negozji li ħadu sehem waqt Community Day b’risq l-MCCF

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca lbieraħ qassmet ċertifikati ta’ apprezzament lil aktar minn 300 sid ta’ negozju li ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni ta’ ‘Community Day’ b’risq il-Malta Community Chest Fund, fit-2 ta’ Mejju li għadda.

Community Day kienet inizjattiva proposta minn sidien ta’ negozji li xtaqu li n-negozji Maltin u Għawdxin jiddedikaw ġurnata min-negozju tagħhom b’risq il-Malta Community Chest Fund.  L-ideá kienet milqugħa u għal din l-ewwel edizzjoni ħadu sehem ’il fuq minn 300 negozju f’Malta u anke f’Għawdex, fejn parti mill-profitti tal-ġurnata ġew mgħoddija lill-Malta Community Chest Fund.

Waqt ċerimonja li saret fil-ġnien privat tal-Palazz ta’ Sant’ Anton, fejn tqassmu ċertifikati ta’ apprezzament lis-sidien tan-negozji li ħadu sehem, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-parteċipanti għas-sens altruwistiku tagħhom li jiddedikaw ġurnata mill-ħidma tagħhom b’risq il-mijiet kbar ta’ Maltin u Għawdxin li qed jikkonkorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

Il-President irrakkuntat każijiet fosthom ta’ mara milquta mill-marda tal-kanċer li lanqas biss bdiet tmur għat-trattament li kellha bżonn biex tibqa’ tieħu ħsieb lill-uliedha.  Il-President semmiet kif il-Malta Community Chest Fund ma tistax iddawwar wiċċha quddiem sitwazzjonijiet reali ta’ nies li minħabba l-mard jispiċċaw jiftaqqru biex jippruvaw jibqgħu ħajjin u jkomplu jieħdu ħsieb lil uliedhom.  Huwa għalhekk li rringrazzjat lis-sidien tan-negozji li ħadu sehem f’Community Day għaliex huma dawn l-inizjattivi li jkomplu jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ tant nies li jispiċċaw fix-xifer minħabba ċirkustanzi varji tal-ħajja.

Il-President semmiet kif in-nefqa tal-MCCF qed teċċedi l-kwart ta’ miljun ewro fix-xahar, bl-aħħar somma tax-xahar li għadda kienet teċċedi t-tliet mitt elf ewro f’nefqa ta’ mediċina u kura speċjalizzata għall-Maltin u Għawdxin li b’xorti ħażina għaddejjin minn perjodu kiefer ta’ mard.