Imnedija uffiċjalment Solidarjeta’ bl-Isports 2015

 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet imnedija uffiċjalment Soildarjetà bl-Isports 2015.  Waqt din il-konferenza, b’differenza għal snin oħra, ġew maħtura għadd ta’ ambaxxaturi sportivi li se  jkunu qed  jikkordinaw madwar 300 għaqda sportiva  u clubs affiljati f ‘diversi attivitajiet li għandhom isiru matul din is-sena.
 
Il-President ta’ Malta spjegat kif il-kanċer f’pajjiżna qed jikber, u mill-aħħar riċerka li saret instab li dawk li twieldu qabel l-1960, l-inċidenza tal-kanċer qed tkun ta’ wieħed minn kull tliet persuni, filwaqt li l-inċidenza tal-kanċer fost dawk li twieldu wara l-1960, hija ta’ wieħed minn kull żewġ persuni.  Il-President spjegat li huwa għalhekk li l-Malta Community Chest Fund trid tibqa’ tgħin kemm tiflaħ minħabba li dan huwa l-unika fond Nazzjonali li verament qed jidħol għal dawk il-Maltin u l-Għawdxin li sfortunatament qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ mard.
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius li appella lill-għaqdiet sportivi kollha biex jikkonkorru bi ħġarhom u jtellgħu attivitajiet ta’ solidarjetà ma’ min qed jaffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. Tkellem ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius li min-naħa tiegħu saħaq fuq l-importanza tas-solidarjetà fl-isports u l-bżonn li nkunu ta’ spalla għal xulxin, b’enerġija u inizjattivi mill-qalb biex insostnu lil min qed jaffaċċja sitwazzjonijiet kiefra.
 
Solidarjetà bl-Isports 2015 qed titmexxa mis-Sur Emanuel Peresso flimkien ma’ tim ta’ nies minn oqsma varji sportivi, li lkoll se jaħdmu biex iktar għaqdiet sporitivi din is-sena itellgħu attivitajiet sportivi taħt il-kappa ta’ Solidarjetà bl-Isports.
 
Assoċjazzjonijiet, clubs jew individwi oħra li għal xi raguni għadhom ma ġewx milħuqa, huma mitluba jikkuntattjaw lill-kumitat Solidarjetà bl-isport, fl-Uffiċju tal-President, Palazz San Anton fuq numri 21 226226 jew jibgħatu email fuq [email protected].
 
L-attivitajiet differenti sportivi kif awtorizzati, jekk jista’ jkun, għandhom jiġu organizzati sal-Erbgħa tlieta u għoxrin ta’ Diċembru 2015, sabiex rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jippreżentaw personalment l-ammont miġbur lill-President ta ‘ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt riċeviment  fil-Palazz ta’ Sant’Anton fil-bidu ta’ Diċembru ta’ din is-sena. Huma jingħataw ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.