Dalgħodu l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat l-uffiċċini tal-Malta Microfinance, fi ħdan is-St. Andrew’s International Centre, fil-Belt Valletta. Fl-indirizz tagħha, l-President Coleiro Preca fissret din l-inizjattiva tal-Malta Microfinance bħala ħidma mimlija imħabba. Sostniet li permezz tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, din il-Presidenza qed tħares ’l quddiem li taħdem flimkien biex jitkattar iktar ġid minn dawn it-tip ta’ inizjattivi. Il-President faħħret is-sehem ta’ numru ta’ organizazzjonijiet internazzjonali li flimkien qed jaħdmu biex jgħinu partikolarment immigranti u familji foqra jindirizzaw id-diffikultajiet tagħhom u jgħinnuhom jintegraw fis-soċjetà. Dwar l-integrazzjoni tal-immigranti, il-President ta’ Malta ħeġġet lill-immigranti li ilhom perijodu mhux ħażin jgħixu f’pajjiżna biex jitgħallmu l-lingwa Maltija u jifhmu aħjar l-kultura ta’ pajjiżna.