Is-Sur Edgar Preca jibda biż-żjarat fl-iskejjel b’rabta mal-BOV Piggy Bank Campaign.

Dalgħodu s-Sur Edgar Preca, ir-raġel tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, beda biż-żjarat fl-iskejjel b’rabta mal-BOV Piggy Bank Campaign “Mit-Tfal b’Solidarjetà”  li ġiet varata lbieraħ fil-Palazz ta’ Verdala. Is-Sur Preca dalgħodu żar tliet skejjel, il-Kulleġġi San Ġorġ Preca fil-primarja tal-Ħamrun u fil-Primarja ta’ Raħal il-Ġdid u l-Kulleġġ ta’ Santu Wistin fil-Marsa.

 

Waqt dawn iż-żjarat, is-Sur Preca spjega lit-tfal fuq kif din il-kampanja hija dwar kif wieħed jista’ jagħti lill-ieħor minn dak li jista’. “Meta tiżra’ l-imħabba, imħabba tieħu lura u meta tagħti lil ħaddiehor, il-ferħ li tħoss huwa inkredibbli”.

 

Is-Sur Preca se jissokta biż-żjarat tiegħu fl-iskejjel sa Diċembru li ġej, fejn b’kollox se jkun qed iżur tletin skola.

 

Il-BOV Piggy Bank Campaign qed issir għat-tnax–il darba fejn it-tfal jagħtu minn dak li jistgħu f’karus apposta biex jgħinu lil dawk li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. Is-sena li għaddiet mid-donazzjonijiet ta’ dawn it-tfal inġabru ’l fuq minn 67,000 ewro, bil-Bank of Valletta jirdoppja s-somma għal 135,000 ewro.