Is-Sur Edgar Preca, żewġ il-President ta’ Malta, dalgħodu beda ż-żjarat fl-iskejjel b’rabta mal-BOV Piggy Bank Campaign b’risq l-Istrina. Fl-ewwel żjara tiegħu, fil-Kulleġġ Maria Reġina fin-Naxxar jilqgħu s-sur Preca kien hemm l-istudenti ta’ din l-iskola, li b’mod artisiku fosthom bil-kant u anki permezz tad-drama wasslu messaġġi ta’ mħabba u solidarjetà.
Is-Sur Preca rringrazzja lill-istudenti għall-laqgħa tagħhom u anki għall-ħeġġa tagħhom li jikkontribwixxu fil-BOV Piggy Bank Campaign b’risq l-Istrina. F’din iż-żjara s-Sur Preca ħa l-opportunità biex spjega lill-istudenti r-raġuni ta’ din il-kampanja, propju biex jinġabru flus għall-mijiet ta’ nies li qed jiġu bżonn tal-Malta Community Chest Fund. Is-Sur Preca spjega lit-tfal, kemm Maltin u Għawdxin, sfortunatament jiġu f’sitwazzjonijiet fejn kemm minħabba sitwazzjonijiet ta’ faqar u anki minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard jiġu bżonn l-għajnuna u l-appoġġ tal-Malta Community Chest Fund. Is-Sur Preca appella lill-istudenti biex dejjem jaħsbu f’xulxin, u juru turija ta’ solidarjetà, għaliex huma dawn il-valuri li jagħtuna ħafna ġid f’qalbna. Is-Sur Preca qal lill-istudenti li huma l-preżent u l-futur u li flimkien kapaċi jagħmlu d-differenza għal dinja aħjar.
Is-Sur Preca żar ukoll l-iskola sekondarja ta’ St. Michael f’San Ġwann, u l-iskola St. Dorothy ġewwa tas-Sliema.
Matul din il-kampanja s-Sur Preca se jżur tletin skola f’Malta u anki f’Għawdex, biex ikompli jwassal il-messaġġi ta’ solidarjetà, u anki biex jieħu opportunità li jiltaqa’ mal-istudenti Maltin u Għawdxin.