Iz-żgħażagħ iniedu l-Kampanja ‘Solidaritree’ b’risq L-Istrina b’Solidarjetà 2015.

Fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta llum tat bidu għall-kampanja soċjali Solidaritree b’risq l-Istrina b’Solidarjetà – kampanja li fiha jingħaqdu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin tal-Università u bosta skejjel post-sekondarji biex huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom biex jinġabru fondi b’risq L-Istrina.

 

Il-President, f’diskors waqt din it-tnedija, qalet kif is-sena l-oħra, permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet li ġew organizzati minn diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inġabret is-somma ta’ €22,000 li kienet ġiet ippreżentata waqt l-Istrina 2014. Hija faħħret lil dawn l-għaqdiet tal-inizjattiva u talli ħassew il-bżonn li huma wkoll ikunu hemm biex jgħinu lil min hu fil-bżonn.

 

Il-President ta’ Malta qalet li l-iktar fatt sinifikanti huwa li l-istudenti f’dawn il-livelli qegħdin jingħaqdu flimkien bħala ‘team’ wieħed għal għan soċjali, għan li juru s-solidarjetà tagħhom lejn nies oħra, nies li jistgħu jkunu żagħżagħ bħalhom, li għandhom bżonn l-għajnuna.

 

“Dan iwasall messaġġ kbir – li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma żgħażagħ li wkoll qegħdin iħaddnu l-valur tal-imħabba, tal-ġenerożita’  u l-valur li naħsbu f’xulxin biex nassiguraw kemm jista’ jkun li ħadd minnha, f’dan il-pajjiż ma jkollu bżonn xi ħaġa u ma jsibx lil min jgħinu imma jassiguraw li nagħtu l-għajnuna li hemm bżonn lil kulħadd”

 

Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet tkellem ukoll Gayle Lynn Callus, li huwa ċ-Chairman tal-Core Group ta’ Solidaritree. Huwa tkellem kif is-sena l-oħra, li kienet l-ewwel sena tal-kampanja ta’ Solidaritree, kienet diġà ta’ suċċess. Huwa spjega kif għall-ewwel darba din is-sena l-organizzazzjonijiet politiċi bħall-MŻPN, FŻL, u ADŻ ikkonfermaw li se jkunu qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom f’din il-kampanja. Gayle Lynn Callus ħeġġeġ lil kull min hu rappreżentant ta’ kull tip ta’ għaqda taż-żgħażagħ, li mhux bilfors ikunu studenti universitarji jew ta’ livell post-sekondarju biex jersqu ‘l quddiem sabiex huma wkoll ikunu parti minn din il-kampanja b’risq dawk li huma aktar fil-bżonn tal-fondi ta’ The Malta Community Chest Fund.

 

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm rappreżentanti minn erbgħin-il għaqda studenteska, liema għaqdiet se jkunu  qegħdin jorganizzaw attivitatjiet matul is-sena kollha b’risq Solidaritree. L-attivitajiet jinkludu ‘Car Wash’, ‘Drive-In Cinema’ u kunċert bis-sehem ta’ bosta artisti lokali. Għat-tieni sena konsekuttiva se jkunu qegħdin jinbiegħu ‘wrist-bands’ għal donazzjoni ta’ €1 kif ukoll l-iskema ‘Park and Donate’ fejn tintagħżel ġurnata li fiha l-parkeġġ fid-diversi skejjel post-sekondarji jkun b’donazzjoni b’risq Solidartiree.

 

Għal aktar informazzjoni dwar Solidaritree, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq il-paġna ta’ Facebook jew inkella permezz tal-email [email protected]