Jitnieda l-ktieb Tisjir mill-Qalb 2015

Dalgħodu tnieda s-sitt edizzjoni tal-ktieb tat-tisjir, Tisjir mill-qalb b’risq il-Malta Community Chest Fund. B’differenza mill-ħarġiet tas-snin li għaddew Tisjir mill-qalb din id-darba għandu għadd kbir ta’ riċetti minn patrijiet u sorijiet minn diversi kunventi u monasteri Maltin.   

 

Matilde Balzan li kienet il-moħħ wara din l-idea ta’ riċetti mill-kunvent spjegat kif b’kollox hemm tmenin riċetta, sebgħin riċetta minn għadd ta’ patrijiet u sorijiet, filwaqt li għaxar riċetti huma ta’ koki Maltin li kienu parti mill-ktieb anki s-sena li għaddiet. 

 

Għall-ewwel darba Tisjir mill-qalb mhux biss ġie stampat bil-lingwa Maltija, iżda wkoll bil-lingwa Ingliża biex ikun ukoll aċċessibbli għat-turisti u għal min ikun jixtieq jixtri dan il-ktieb bħala rigal għal persuni li jgħixu barra l-pajjiż.

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min ikkontribwixxa għall-ħarġa ta’ Tisjir mill-qalb fosthom lis-Sur Mario Abela tal-kumpannija Best Print li jistampaw dan il-ktieb bla ħlas biex jgħinu lill-Malta Community Chest Fund.  Ringrazzjament ukoll lis-sinjura Liz Said li barra li offriet riċetta tagħha għal dan il-ktieb, tat għajnuna kbira biex seta’ jsir il-ktieb. 

 

Il-President irringrazzjat ukoll lill-għaqda Iris, li ħadu r-ritratti kollha li hemm f’dan il-ktieb.  Il-President irringrazzjat ukoll lill-Maltapost li qed tqassam dan il-ktieb bla ħlas għal min jixtirh online, u qed tbiegħu wkoll mill-ħwienet tagħha. 

 

Il-President ta’ Malta qalet li l-ktieb ta’ din is-sena qed jirrifletti parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna, jiġifieri t-talent kulinarju li għandna fil-kunventi u l-monasteri tagħna. 

 

Is-Sur Edgar Preca li wkoll ta riċetta għal dan il-ktieb spjega kif Tisjir mill-qalb huwa wieħed mill-eżerċizzji li jsiru biex tingħata spinta lil tant nies li jiġu għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund fosthom dawk li għaddejjin minn perjodu ta’ faqar.

 

Il-Ktieb Tisjir mill-qalb 2015 qed jinbiegħ mill-uffiċini tal-MCCF il-Belt Valletta, mill-Kitchen Garden, mill-Palazz ta’ San Anton, minn www.tisjir.donate.com.mt, mill-Maltapost u mill-ħwienet tal-kotba ewlenin.