Josette Borg ir-rebbieħa tal-Informal CarerAward mogħti mill-President ta’ Malta

Josette Borg ta’ 46 sena mill-Mosta hija r-rebbieħa tal-Informal Carer Award mogħti taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz, il-Belt Valletta. Din hija l-ewwel darba fil-pajjiż li ġew onorati l-informal carers f’pajjiżna, f’ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-President b’kollaborazzjoni ma’ Caremark Malta. Josette Borg rebħet dan il-premju wara li l-Bord tal-Evalwaturi mmexxi mis-Sur Edgar Preca xtarr il-ħidma li din il-mara għamlet tul ħajjitha fejn, bi sfidi kbar u b’altruwiżmu kbir, ħadet ħsieb lil oħtha b’diżabilità, lil ommha u lil missierha.

 

F’diskors tal-okkażjoni l-President ta’ Malta esprimiet kliem ta’ tifħir lejn Josette Borg li minkejja l-isfidi kbar, waħidha qed tieħu ħsieb lil tliet persuni mill-familja tagħha. “Int qed tagħmel minn kollox biex dawk li jiddependu minnek ikunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajja dinjituża, minkejja l-problemi u d-diffikultajiet li għandhom. U fuq kollox, qed toffrilhom il-possibilità li jibqgħu jgħixu ġo darhom u flimkien bħala familja. Int xempju ideali ta’ kif membri ta’ familji għandhom ikunu ta’ spalla għal xulxin, u joffru sapport fejn ikun hemm bżonn bla ma jkun mistenni l-ebda kumpens.”  Il-President irrimarkat kif Josette Borg għażlet li tagħti ħajjitha lill-familjari tagħha u kawża ta’ dan iċċaħħdet milli ssib impjieg biex tkun tista’ tieħu ħsieb lil oħtha u lil missierha b’diżabilità, u lil ommha li hija anzjana. Aktar minn hekk Josette tieħu ħsieb ukoll liż-żewġ uliedha.

 

Il-President qalet li temmen bis-sħiħ li l-familji Maltin u Għawdxin għad għandhom dawn il-valuri, u ta’ dan hi kburija ħafna bihom.

 

Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-kumpannija Caremark tal-inizjattiva li jtellgħu, flimkien mal-Presidenza, l-Informal Carer Award, bl-iskop ewlieni li tqajjem kuxjenza dwar l-irwol importanti u tant meħtieġ tal-informal carers informali fid-dinja tal-lum; kunċett li qed jingħata attenzjoni dejjem akbar fi sfont kemm Ewropew, kif ukoll f’dak internazzjonali. 

 

Fid-dokument maħruġ fl-2010 bl-isem Informal Carers: Who cares for them?, il-European Centre for Social Welfare Policy and Research stipulat politika ċara li rrakomandat aktar apprezzament u appoġġ għall-carers informali madwar komunitajiet u soċjetajiet Ewropej.

 

“Ċertu ammont ta’ kura informali hija meħtieġa fil-komunità biex tikkumplimenta, u fil-fatt timla l-vojt li jista’ jeżisti fis-servizzi ta’ kura formali, u hija l-unika alternattiva fejn jieqfu servizzi tal-kura. Il-Presidenza trid li, permezz ta’ dan ir-rikonoxximent, tqajjem aktar kuxjenza dwar din ir-realtà, biex mhux biss l-informal carers ikunu apprezzati aktar, iżda wkoll is-soċjetà tagħraf ir-rwol kruċjali tagħhom u l-kontribut indispensabbli li qegħdin jagħtu fil-kwiet u mingħajr l-ebda daqq ta’ trombi.”

 

Waqt iċ-ċerimonja, is-Sur Edgar Preca qal li min tefa’ n-nominazzjoni tiegħu m’għamilx dan biex jieħu trofew jew ċertifikat, iżda għamlu b’imħabba kbira.

 

Is-Sur Preca li qatta’ snin twal bħala informal carer tal-ġenituri tiegħu, appella  lill-awtoritajiet biex jieħdu ħsieb lill-informal carers għax mhux kulħadd jitlaq mix-xogħol bħala għażla libera.   “Hemm min jieqaf mix-xogħol biex imur jgħin lil xi ġenitur tiegħu, jew lil ħutu jew lil xi ħadd ieħor tal-familja. Meta jkun qiegħed isir hekk, din il-persuna tkun qed tagħmel ġid tremend lis-soċjetà u lill-pajjiż.”