Karmenu Grima r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali b’Hilti Wasalt

 Karmenu Grima ta’ 71 sena minn Burmarrad huwa r-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-premju Nazzjonali  ‘B’Ħilti Wasalt’ organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.  
Il-Premju Nazzjonali ‘B’Ħilti Wasalt’ jirrikonoxxi persuni li minkejja l-isfidi f’ħajjithom baqgħu jissieltu biex mhux biss itejbu ħajjithom iżda li jagħmlu d-differenza f’ħajjet ħaddieħor. 

Karmenu Grima li kellu ħajja diffiċli mmens, meta kiber flimkien ma’ martu ddedika ħajtu għall-missjoni. Flimkien ma’ martu Karmenu għen fil-bini ta’ sptar fit-Tanzania mal-Mission Fund, għen li tinbena skola f’Pechetoni, il-Kenja, u mar ukoll mill-anqas tliet darbiet il-Gwatemala jgħin fil-parroċċa tal-qassis Għawdxi Anton Grech.

 F’diskors li tat il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li kif għamel Karmenu Grima hawn bżonn li kollha kemm aħna,nemmnu fil-ġustizzja soċjali, ikollna mħabba lejn għajrna, u nkunu lesti li nagħmlu l-parti tagħna biex ngħinu dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

 Il-President tkellmet fuq il-ġustizzja u l-kuxjenza soċjali u saħqet fuq il-bżonn li niżguraw li l-ekonomija twieżen ukoll id-dgħajjef u lil dawk kollha li huma vulnerabbli bil-fatti billi jkun hemm distribuzzjoni ekwa tal-ġid li nkabbru bejnietna.

 Qalet li għalhekk qed tisħaq fuq il-paga soċjali, biex dak li jiġi provdut mill-fond pubbliku jasal għand kull strata tas-soċjetà, ħalli żgur ħadd ma jitħalla barra.

 Il-President ferħet lil Karmenu Grima u lill-Laboratorju tal-Paċi għal din l-inizjattiva u lil Patri Dijonisju Mintoff li dejjem kien viżjonarju u determinat li jgħin lill-batut.