“L-ambjent huwa misluf lilna mill-ġenerazzjoni ta’ warajna…Dan iqiegħed fuqna responsabbilta’” – il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

​ 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet lit-tfal biex ikomplu jieħdu sehem f’diskussjonijiet u jsemmgħu leħinhom dwar dak kollu li jaffettwa l-ħajja tagħhom, għax dan huwa l-uniku mod li jkun hawn soċjetà aktar infurmata u kapaċi titkellem u taħdem għad-drittijiet tagħha.  Il-President qalet dan waqt iċ-ċerimonja ta’ Ekoskola ta’ din is-sena, dik tal-Green Flag, Silver u Leaf Award.
 
Il-President qalet li din is-sena, kull meta daret l-iskejjel biex tisma’ dak li għandhom xi jgħidu t-tfal, ġiet imtennija kemm–il darba t-talba tat-tfal li fil-pajjiż ikun hawn spazji iktar miftuħa fejn jilagħbu.
 
Huwa għalhekk li l-President ħeġġet biex it-tfal ikomplu jsemmgħu leħinhom, biex pajjiżna bl-ambjent tiegħu jkun post adekwat għal kulħadd.
 
Il-President qalet li tapprezza wkoll li permezz tal-Ekoskola, iż-żgħażagħ bdew ibiddlu l-mentalità tal-poplu dwar l-irwol ta’ kull wieħed u waħda minna fit-tiġdid tal-ambjent u nersqu dejjem aktar lejn żvilupp sostenibbli. Il-President ferħet lit-tfal li qed jippreżentaw il-fehmiet tagħhom lil dawk li jmexxu pajjiżna, fuq suġġetti li jaffettwaw ħajjitna daqshekk mill-qrib, bħal riżorsi ta’ enerġija, konservazzjoni tal-ilma u tal-iskart. 
 
Il-President qalet li l-evalwazzjoni tal-programm Ekoskola jurina wkoll li kellu mpatt pożittiv estiż fuq l-imġiba tal-familji minn fejn ġejjin dawn l-istudenti fejn tidħol il-kuxjenza u għarfien ambjentali. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ferħet lil Nature Trust Malta  għall-inizjattiva li mitt skola lokali jipparteċipaw fil-programm u li aktar minn nofshom huma skejjel li jħaddnu l-Green Flag, Silver u Leave, li jikkonfermaw is-suċċess ta’ din l-inizjattiva.