l-President ta’ Malta tappella biex bħala familja l-pajjiżi Ewropej jindirizzaw l-isfidi li qed taffaċċja l-Ewropa u l-popli tagħha

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu indirizzat konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-għaxar Presidenti Ewropej li ħadu sehem fil-laqgħa tal-Grupp Arraiolos f’Wartburg u Erfurt il-Ġermanja.

 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet f’Erfurt, il-President ta’ Malta appellat biex bħala familja l-pajjiżi Ewropej rrapreżentati f’dan il-grupp jaħdmu flimkien biex jimbuttaw ‘il quddiem il-ġustizzja soċjali.  Il-President ta’ Malta awgurat biex fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew illum u għada fi Brussell, jintlaħaq ftehim li jawgura l-ġid speċjalment ta’ dawk li bħalissa għaddejjin minn sfidi umanitarji.

 

Waqt il-laqgħa ta’ dalgħodu tal-grupp Arraiolos, il-President ta’ Malta saħqet fuq il-bżonn li s-sistemi edukattivi verament jimmiraw għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna.  Saħqet li hija permezz tal-edukazzjoni li jitkisser iċ-ċirku tal-faqar u fakkret kif fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea wieħed minn kull erba’ persuni huma fil-faqar.  Qalet li minkejja li fl-Ewropa s-sistemi edukattivi huma avvanzati, xorta mhux qed jintlaħqu l-miri li jinżera’ biżżejjed ġid edukattiv biex ħadd ma jibqa’ lura.  Il-President rreferiet ukoll għal tant żgħażagħ iggradwati li minkejja li jagħmlu tant impenn fl-istudji tagħhom xorta ma jsibux l-impjieg li għalih studjaw.

 

Waqt il-laqgħat tal-grupp Arraiolos it-tema tal-immigrazzjoni kienet diskussa bi prominenza mill-Presidenti li ħadu sehem.  Fuq dan il-punt il-President rreferiet għall-immigranti taħt l-eta’ fejn fl-aħħar ħames snin tant immigranti tfal ħarbu mingħajr il-ġenituri tagħhom biex isibu futur aħjar.  Sostniet li l-edukazzjoni għal dawn it-tfal hija importanti biex ma jispiċċawx vittmi ta’ gruppi estremisti.

 

Il-President ta’ Malta hija l-unika Presisident mara li ħadet sehem f’dan il-grupp Arraiolos flimkien ma’ għaxar Presidenti oħra.  Il-President kienet il-mistiedna tal-President Ġermaniż Joachim Gauck li ħass l-importanza li Malta għall-ewwel darba tagħmel parti minn dan il-grupp minħabba l-importanza li għandu pajjiżna fin-nofsinhar tal-Ewropa.