Il-President ta’ Malta tindirizza seminar dwar il-Colorectal Cancer

Lbieraħ filgħaxija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, indirizzat seminar li ġie organizzat mill-Malta Colorectal Cancer Awarness Group flimkien man-National Cancer Platform, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.

Hija appellat lill-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa, biex ikomplu jistinkaw fir-riċerka tagħhom, sabiex xogħolhom ikun dejjem ibbażat fuq evidenza li toħroġ mill-istudji tagħhom – studji li jeħtieġ li jkunu bbażati fuq esperjenzi lokali, speċjalment jekk irridu nħarsu lejn il-prevenzjoni tal-kanċer, u mhux biss il-kura. 

Hawnhekk il-President stqarret li bħalissa tinsab f’diskussjonijiet mal-Università ta’ Malta, mal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, kif ukoll maċ-Ċentru għar-Riċerka fl-Università ta’ Malta stess, biex flimkien mal-Malta Community Chest Fund u għaqdiet oħra, anke internazzjonali, isir xogħol fuq riċerka u studji relatati mal-kanċer.

“Nistqarr li sibt rispons qawwi u f’dan il-mument qedgħin nistennew l-ewwel project briefs miċ-Ċentru tar-Riċerka fl-Università, filwaqt li mal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, se nwaqqfu working group biex naħdmu flimkien”, tenniet l-Eċċellenza Tagħha.

Intant, il-President raddet ħajr lill-Fundatur tal-Malta Colorectal Cancer Awareness Group, s-Sur Anthony Rossi, talli uża l-esperjenza personali tiegħu biex jgħin lil ħaddieħor li jkun għaddej mill-marda tal-kanċer, kemm bħala pazjent, kif ukoll bħala familjari jew ħbieb ta’ xi persuna jew persuni li jkunu qed jgħaddu minn żminijiet ftit diffiċli minħabba l-istess marda.

Il-President irrimarkat li, mit-twaqqif tiegħu, dan il-grupp jaqa’ wkoll taħt il-kappa tan-National Cancer Platform, liema pjattaforma tgħaqqad flimkien l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer. Dawn l-għaqdiet jikkollaboraw flimkien sabiex jiżguraw servizz ħolistiku u sostenibbli għall-pazjenti tal-kanċer, u l-familji tagħhom. Filwaqt li jagħmlu dan, l-għaqdiet jibqgħu awtonomi u jżommu l-identità tagħhom. 

Fid-dawl tal-fatt li l-Colorectal Cancer huwa it-tielet l-aktar kanċer komuni fl-irġiel u t-tieni fin-nisa, il-President ta’ Malta appellat biex l-irġiel u n-nisa ta’ bejn is-60 u l-64 sena, dejjem jagħtu każ ta’ meta jirċievu l-korrispondenza biex jagħmlu appuntament għall-iscreening, li f’pajjiżna għandna bħala parti mill-Programm tas-Saħħa Nazzjonali. Dan huwa mod ta’ kif kanċer jista’ jistab kmieni, u eventwalment jitfejjaq, kif inhuwa il-każ bil-Colorectal Cancer.

Il-President qalet ukoll li l-Att li ġie approvat fil-bidu ta’ din is-sena, u li kien ġie mressaq mill-Membri Parlamentari Robert Cutajar u Mario De Marco, biex jiġi stabbilit u assigurat approċċ inter-ministerjali u tul il-ħajja, li jaħdem favur l-edukazzjoni fiżika, dieta bilanċjata u favur il-promozzjoni tas-saħħa, jkompli jagħtina t-tama li dan ser jgħin biex kemm nistġħu, nkomplu nipprevjenu il-marda tal-kanċer.

Fl-aħħarnett, hija appellat biex l-istakeholders kollha jingħaqdu flimkien f’sinerġija biex bħala pajjiż jkun jista’ jiġi attwat dak li titlob id-Dikjarazzjoni Dinjija kontra l-kanċer – “li naħdmu għal tnaqqis sostanzjali fi mwiet qabel iż-żmien minħabba l-kanċer, u jkun hemm dejjem aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu”.