Memorandum of Understanding bejn The President’s Trust u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar

Dalgħodu fil-Palazz ta’ San Anton ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn The President’s Trust u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-ftehim li ġie ffirmat fil-preżenza tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġie ffirmat mill-Ministru għall-Ekonomija Dr Chris Cardona u mis-Sur Winston Żahra, iċ-Chairman ta’ The President’s Trust. 
 
Dan il-Memorandum of Understanding se jkun legalment validu meta jidħol fis-seħħ l-Att dwar l-Intrapriżi Soċjali. Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li meta tidħol fis-seħħ din il-liġi se tkun qed tagħti aċċessibilità ħielsa għal min irid jidħol fis-settur tan-negozju. Hija laqgħet dan il-ftehim, għaliex bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar flimkien ma’ The President’s Trust, iż-żgħażagħ jingħataw opportunità li ssostnihom biex jimxu ’l quddiem. Hija awgurat biex permezz ta’ dan l-MOU, tissaħħaħ il-kooperazzjoni, biex il-ħidma ta’ The President’s Trust verament tagħti opportunità mill-isbaħ lil żgħażagħ vulnerabbli. 
 
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona qal li kien unur kbir għall-Ministeru li kien qiegħed ikompli jsaħħaħ il-ħidma fuq l-intrapriżi soċjali, permezz ta’ Memorandum of Understanding mal-President ta’ Malta fis-settur tal-intrapriżi soċjali.
 
Il-Ministru Cardona qal li l-intrapriżi soċjali huma kontributuri importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż li jingħaraf minn oħrajn mill-attenzjoni li dawn l-organizzazzjonijiet jagħtu lill-effetti soċjali tal-attività tagħhom u għall-istrutturi ta’ governanza parteċipattiva tagħhom.
 
“Għal ħafna snin, l-intraprendituri soċjali għenuna nikkunsidraw mill-ġdid il-mod kif nindirizzaw l-aktar problemi soċjali li rabbew għeruq fil-fond, bħall-faqar, id-differenza fil-prestazzjoni, l-esklużjoni soċjali, u l-qgħad. Madankollu, filwaqt li organizazzjonijiet eżistenti diġà għandhom il-karatteristiċi neċessarji li huma tipiċi f’intrapriżi soċjali, għad m’hemmx struttura legali li tippermettilhom jidentifikaw ruħhom f’qafas regolatorju,” saħaq il-Ministru Cardona.
 
Fakkar kif il-ġimgħa li għaddiet il-Ministeru vara  proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku bil-għan aħħari li  jisma’lill-partijiet interessati kollha ħalli tittieħed deċiżjoni infurmata li tkun tirrifletti x-xewqat u l-interessi tan-negozji, l-intrapriżi kif ukoll dawk tal-pubbliku ġenerali u l-persuni li jaqgħu taħt il-leġislazzjoni proposta. Il-Ministru Cardona tenna l-appell tiegħu biex dawk kollha li huma interessati jissottomettu s-suġġerimenti tagħhom sas-26 ta’ Lulju.
 
“Nixtieq nirringrazzja lill-President għas-sostenn li dejjem tagħti lis-soċjetà partikolarment lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn u ninsab ċert li dan il-Memorandum of Understanding se jkun il-bidu għal kooperazzjoni li se tagħti l-frott fis-settur tal-intrapriżi soċjali, filwaqt li ser tkun qed tgħin biex insibu setturi oħra li jagħtu lok għal koperazzjoni simili bejn l-Uffiċċju tal-President u l-Ministeru għall-Ekonomija Investiment u Intrapriżi Żgħar,” saħaq il-Ministru Cardona.
 
Dan il-Memarandum of Understanding jittratta l-intrapriżi soċjali, fejn The President’s Trust u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar se jkunu qed jikkooperaw flimkien biex jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-intrapriżi. L-intenzjoni hi li dan l-MOU iwassal għal tkabbir ekonomiku fost il-vulnerabbli u l-impjegati b’diżabilità. 
Dan l-MOU jirrifletti l-intenzjonijiet ta’ The President’s Trust li jiżviluppa u jagħti appoġġ lill- programmi għaż-żgħażagħ li jgħinuhom jimxu ’l quddiem billi jsibu impjieg jew jidħlu f’taħriġ għal negozju jew xi tip ta’ ħila. B’dan il-mod dawn iż-żgħażagħ vulnerabbli jinqalgħu minn sitwazzjoni ta’ faqar u jimxu ’l quddiem f’ħajjithom.