Messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Mara

Illum, qed infakkru il-Jum Internazzjonali ddedikat lil-Mara.

Jum il-Mara huwa ċelebrazzjoni tal-kontribut li n-nisa jagħtu lis-soċjeta’; fil-familji tagħhom, fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom u fil-komunitajiet fejn jgħixu; bħala ommijiet, bħala nisa f’relazzjonijiet, bħala ħbieb, bħala studenti, bħala ħaddiema, bħala ċittadini, u bħala mexxejja.

Irridu nammettu, li hemm min hu xettiku, dwar ir-relevanza ta’ dan il-jum.

Hemm min jistaqsi, għaliex tingħata din l-attenzjoni, lir-rwol tan-nisa fis-soċjeta, f’dan il-jum partikolari?

Ikolli nistqarr, li naqbel magħhom, għaliex l-importanza ta’ dak li ngħidu llum, m’għandux ikun limitat, għal jum wieħed biss fis-sena. Anzi, dak li nirriflettu fuqu llum, għandu jkun rifless, fix-xogħol li nagħmlu, favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, tul is-sena kollha.

Dan il-jum għandu jikkonċentra, fuq ir-rijaffermazzjoni tal-impenn qawwi, li kull waħda u wieħed minnha, għandu jkollu favur l-ekwita’, d-dinjita’, u r-rispett, għal kulħadd.

Minkejja li bħala poplu, għandna biex inkunu kburin, bil-mixja ‘l quddiem, u l-parteċipazzjoni tan-nisa Maltin, f’għadd ta’ oqsma, għad għandna sfidi, li jinħtieġ li nindirizzawhom. Il-kisbiet tagħna bħala Maltin, għandhom jkunu l-prova ta’ kemm, bħala nazzjon, kapaċi nirnexxu, meta nemmnu, ningħaqdu, u naħdmu b’miri biex naslu.

Biżżejjed jekk insemmu l-qabża kbira li n-nisa għamlu, fil-parteċipazzjoni tagħhom, fis-settur tax-xogħol, għax ġew imfassla policies maħsuba, u mmirati, biex jagħmlu d-differenza. Il-qabża fir-rata tan-nisa Maltin, fil-parteċipazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol, skont l-aktar statistika riċenti ppubblikata mill-Eurostat ir-rata telgħet minn 47%, fis-sena 2012, għal 54% fis-sena 2015. Din hija ta’ xhieda tal-impenn qawwi mill-awtoritajiet.

Minn naħa l-ohra, nemmen li, għad għandna bżonn Jum il-Mara, biex nirriflettu fuq, l-informazzjoni ppubblikata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea, għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li qed tgħidilna li, 15% tan-nisa Maltin, għadhom suġġetti għal vjolenza fiżika u sesswali, sa mill-eta’ ta’ 15-il sena, u 37% tan-nisa Maltin, għadhom jirrapurtaw forom ta’ vjolenza psikoloġika.

Nemmen li, għad għandna bżonn Jum il-Mara, biex nirriflettu fuq dak li qed jgħdilna l-European Institute for Gender Equality, fejn, filwaqt li l-medja Ewropea, għar-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, hija ta’ kważi 50%, f’Malta, ir-rata tar-rappreżentanza femminili fil-politika, hija ta’ kważi 29%.

Nemmen li għad għandna bżonn Jum il-Mara, biex nirriflettu fuq l-informazzjoni ppubblikata mill-Eurostat, fl-2016, u li qed turina li, hemm distakk qawwi fil-pagi, għall-istess kwalita’ ta’ xogħol, bejn in-nisa u l-irġiel. Distakk li żdied minn 4.5%, fl-2014, għall-10.6%, fl-2016.

Nemmen li għad għandna bżonn Jum il-Mara, biex nirriflettu fuq l-indiċi ppubblikati mill-European Institute for Gender Equality, li qed jurina, li Malta tinsab fl-aħħar postijiet, f’dak li għandu x’jaqsam, mal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija ekonomika, jiġifieri fit-tmexxija tan-negozju u l-kummerċ.

Fuq kollox, nemmen li għad għandna bżonn jum il-Mara, għax l-ekwita’, r-rispett u d-dinjita’, huma l-valuri li fuqhom għandna nkomplu niżviluppaw ir-Repubblika demokratika tagħna. Mingħajr ekwita’, bejn in-nisa u l-irġiel, id-demokrazija tagħna ma’ tkunx b’saħħitha.

Jum il-Mara għandu jkun stedina għalina lkoll, biex nirriflettu, u nifhmu, li għadna ma’ lħaqniex il-milja sħiħa fl-ekwita’, fir-rispett, u fid-dinjita’ xierqa, fil-kuntest tan-nisa f’pajjiżna.

Mingħajr dawn il-valuri tal-ewkita’, tar-rispett, u tad-dinjita’, għal kull membru tas-soċjeta’ tagħna, ma jkunx possibli li aħna, bħala poplu, niksbu l-parteċipazzjoni u d-demokrazija sħiħa, fil-ħajja soċjali, kulturali, ekonomika u politika ta’ pajjiżna.

Meta n-nisa u t-tfajliet tagħna jkunu empowered, ħielsa mill-vjolenza ta’ kull tip, jingħataw l-opportunita’ li jaħdmu u jitħallsu, bħala msieħba sħaħ u ugwali fis-soċjeta’, u jkunu rrappreżentati b’mod xieraq, fit-tmexxija politika u ekonomika ta’ pajjiżna, il-familji u l-komunitajiet tagħna jirnexxu.

Meta l-komunitajiet tagħna jirnexxu, s-soċjeta tagħna tissaħħaħ, issir aktar reżiljenti, quddiem l-isfidi li jinqalgħu, u tikseb il-ġid b’mod ħollistiku għal kulħadd.

Nemmen li kull mara, kull raġel, kull tifel, kull tifla, u kull familja, għandha rwol importanti fix-xogħol li hemm bżonn isir, bħala poplu magħqud, biex niżguraw, li n-nisa u l-bniet tagħna jgawdu l-valuri tal-ekwita’, tad-dinjita’ u tar-rispett sħiħ, li jixirqilhom.

Għalhekk, irrid nħeġġeġ lil kulħadd biex ningħaqdu, b’sens sħiħ ta’ solidarjeta’ man-nisa abbużati, filwaqt li nħeġġeġ lill-qrati tagħna, biex jibgħatu messaġġ aktar qawwi, kontra kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa.

Minn naħa l-oħra jeħtieġ li naħdmu biex nagħtu l-empowerment kollhu meħtieg, lill-bniet u lit-tfajliet tagħna, biex issir naturali għalihom, li jħarsu lejn il-postijiet tat-tmexxija politika u ekonomika f’pajjiżna, ħalli lkoll flimkien, nisa u rġiel, nkunu nistgħu nindirizzaw l-inugwaljanzi, u naħdmu favur il-paċi.

F’dan il-mument, hekk kif qiegħda inkellimkhom, hemm nisa f’pajjiżna u madwar id-dinja li qed jwelldu t-trabi tagħhom, qed irabbu t-tfal, u qed irawwmu familji ġodda.

Dawn in-nisa, fl-istess waqt, qed jaħdmu qatigħ fl-industriji u fis-setturi diversi tal-ekonomija.

Dawn l-istess nisa, qed jibnu u jsaħħu l-ekonomiji ta’ pajjiżhom, u jmexxu pajjiżi sħaħ lejn ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Jeħtieġ lkoll nifhmu li, s-soċjeta’ Maltija, jiġifieri lkoll kemm aħna, nisa u rġiel, ma’ nistgħu qatt niksbu dinjita’ sħiħa, sakemm ma nkunux impenjati favur id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li jippromovu, l-ekwita’, d-dinjita’, u r-rispett.

Minkejja, li matul is-snin, bħala poplu, għamilna passi kbar ta’ ġgant, biex il-mara Maltija, timxi ‘l quddiem, fl-ugwaljanza sħiħa u effettiva, il-fatt li n-nisa Maltin baqgħu daqshekk lura, fir-rappreżentanza tagħhom, fit-tmexxija parlamentari ta’ pajjiżna, dan ifisser, li l-perspettiva u l-parteċipazzjoni ta’ nofs il-poplu, fit-tfassil tal-politika, u t-teħid tad-deċiżjonijiet, m’hix b’saħħitha biżżejjed.

Għaqldaqstant, meta fiż-żmien li ġej, pajjiżna ser ikun qed jirranka għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, irrid nieħu l-opportunita’ biex inħeġġeġ, lill-Partiti Politiċi f’Malta, ħalli, jinkoraġġixxu aktar nisa biex jersqu ‘l quddiem, u joffru s-servizzi tagħhom, fil-ħajja pubblika, politika u demokratika ta’ pajjiżna, biex b’hekk sehem in-nisa, fil-livelli kollha tat-tmexxija, jinħass, u jkollu l-effett meħtieġ, għall-ġid tal-poplu kollhu tagħna.

J’Alla, r-riflessjoni tal-lum, tkun affermazzjoni sħiħa, tal-ħidma li rridu nkomplu nwettqu flimkien, bħala poplu, biex nħarsu d-drittijiet u l-valuri tal-ekwita’, tad-dinjita’ u tar-rispett.