Għalija, it-tmienja ta’ Marzu, Jum il-Mara, huwa mument ta’ ċelebrazzjoni tal-kontribut mill-aqwa li n-nisa Maltin u Għawdxin jagħtu ta’ kuljum fil-komunitajiet u fis-soċjetà tagħna.
Jum il-Mara nqisu bħala opportunità biex niftakru f’dawk l-affarijiet li għandhom jgħaqqduna għax huma ta’ importanza fil-ħajja tagħna u tal-familji tagħna.
Qed nirreferi għal setturi importanti u essenzjali bħal l-edukazzjoni, li għandha tibni mill-qiegħ, l-għarfien dwar il-bżonn li l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel iħarsu lejn xulxin bħala msieħba u kollaboraturi valutati indaqs fis-soċjetà tagħna.
Qed nirreferi wkoll għall-protezzjoni xierqa kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Irridu nammettu li minkejja l-progress kbir li għamilna għadna m’għelibniex din il-kultura miskina li qed therri bħal susa lil tant familji fostna. Hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nieqfu kontra kull xorta ta’ vjolenza. Il-vjolenza m’għandhiex postha fis-soċjetà tagħna.
Fuq kollox, dan il-jum għandu jkun ċelebrazzjoni tad-drittijiet umani universali li huma fundamentali għall-parteċipazzjoni sħiħa u ħielsa tagħna bħala nisa fil-ħajja soċjali, politika, u ekonomika ta’ pajjiżna.
Għal dan il-għan jeħtieġ inkomplu naħdmu, per eżempju biex nindirizzaw b’mod urġenti l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel li qed jagħmlu l-istess kwalità ta’ xogħol.
Dawn huma diskrepanzi inaċċettabbli fil-kuntest tal-ħelsien sħiħ ekonomiku u politiku tan-nisa.
Dawn huma diskrepanzi li għandhom effetti mill-aktar negattivi fuq livell nazzjonali.
Dawn huma diskrepanzi li jħallu effetti mhux biss fuq id-dħul tan-nisa li jaħdmu, iżda wkoll jaffettwalhom aktar ’il quddiem saħansitra l-penzjoni.
Sforturnatament, minkejja l-progress qawwi edukattiv f’pajjiżna, għandna sitwazzjoni fejn hemm nisa li qed jitħallsu anqas mill-irġiel.
Għandna sitwazzjoni fejn in-nisa mhux rappreżentati daqs l-irġiel fil-ħajja politika, ekonomika, u soċjali.
Għandna sitwazzjoni fejn il-vuċijiet tan-nisa Maltin u Għawdxin qed jinstemgħu anqas, saħansitra anke fil-media.
Kemm għandna bżonn li ngħarfu l-urġenza li n-nisa jkunu mudell viżibbli fis-soċjetà tagħna biex iħajru lill-bniet u lin-nisa żgħażagħ jersqu ’l quddiem biex jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Għandna bżonn ferm aktar nisa li jkunu role models ta’ ispirazzjoni biex jispiraw u jinkoraġġixxu aktar bniet u nisa żgħażagħ biex jipparteċipaw fit-tmexxija soċjali, politika, kulturali, u ekonomika tal-komunitajiet u s-soċjetà tagħna.
Hemm bżonn nagħtu aktar empowerment lin-nisa żgħażagħ biex jaraw lilhom nfushom fi rwoli ta’ awtorità bħala mexxejja tal-komunitajiet tagħna biex jgħinu fil-bini ta’ kultura ta’ paċi pożittiva u biex jippromwovu u jħarsu l-well-being tas-soċjetà tagħna.
Jekk ikollna nisa f’pożizzjonijiet ta’ awtorità u ta’ tmexxija nkunu nistgħu nbiddlu l-perċezzjoni pubblika, noħolqu aktar kuxjenza dwar min jista’ jmexxi, u l-kwalitajiet li huma importanti fir-rwoli tat-tmexxija effettiva.
Għaldaqstant huwa ċar li n-nuqqas tar-rappreżentanza femminili fit-tmexxija pubblika u f’pożizzjonijiet oħra tat-tmexxija, anke fl-ekonomija u n-negozju, qed ikollha effett negattiv.
Il-kwoti għan-nisa huma biss strateġija u għodda waħda li jistgħu fil-proċess, jgħinu biex jgħaġġlu t-tibdil meħtieġ, u jinkoraġġixxu lill-bniet u nisa żgħażagħ irawwmu ambizzjonijiet għat-tmexxija u għall-awtorità.
Irridu naħdmu aktar biex nassiguraw li ninkludu l-kontribut tan-nisa f’kull livell u f’kull settur.
Irrid nieħu l-opportunità biex ninkoraġġixxi lin-nisa kollha biex jersqu ’l quddiem u biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bl-għan li jkunu huma stess li jdawlu l-mod ta’ kif nindirizzaw l-isfidi tal-inugwaljanzi fil-policies u l-prattiċi tagħna.
Jiena nemmen li dan huwa kontribut importanti li aħna n-nisa rridu nagħmlu biex ngħinu b’mod qawwi u sħiħ fil-bidliet pożittivi u meħtieġa fis-soċjetà tagħna.
Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex ilkoll kemm aħna nkunu attivisti tal-ġustizzja soċjali, għaliex l-inugwaljanzi, l-inġustizzji, id-diskriminazzjoni jingħelbu biss bit-twettiq effettiv tal-valur tal-ġustizzja soċjali.
Għalhekk ejjew naħdmu flimkien biex jirnexxielna nindirizzaw l-inugwaljanza tal-ġeneru.
Kien għalhekk li madwar sena ilu, propju għal dan il-għan, il-Fondazzjoni tiegħi, jiġifieri l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, ħadet l-inizjattiva biex ġabet flimkien l-NGOs kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fuq pjattaforma waħda, bl-isem ta’ EMPOWER, biex naħdmu flimkien ħalli negħlbu dawn l-isfidi.
Għaldaqstant, ejjew naħdmu flimkien biex nassiguraw li d-dinjità prezzjuża tan-nisa tkun viżibbli u effettiva, mhux biss f’Jum il-Mara, iżda f’kull ġurnata ta’ ħajjitna.