Kieku kelli nagħti isem lil dan id-diskors, kont insejjaħlu ‘grazzi mill-qalb’. Dan huwa l-aħħar indirizz tiegħi għall-Milied bħala l-President ta’ Malta u ta’ Għawdex.
Allura llum irrid ngħidilkom “grazzi mill-qalb”, li bħala president tagħkom ilqajtuni, kontu ġentili miegħi, fhimtu l-limitazzjonijiet tiegħi kemm bħala president u kemm bħala persuna, ħadtu sehem magħna b’entużjażmu biex il-ħidma biex nagħmlu l-ġid ma tiqafx tinxtered u titkattar.
Grazzi kbira lilkom li meta ġejt fostkom ftaħtu qalbkom miegħi. Grazzi għaliex mingħandkom tgħallimt u fhimt aħjar il-ħafna sabiħ li għandna bħala poplu.
Kemm aħna poplu sabiħ meta ningħaqdu u aħna aktar sbieħ meta ningħaqdu biex ngħinu lil dawk fit-tbatija, fil-bżonn.
Grazzi ta’ meta ftaħtu qalbkom bl-uġigħ li għaddejjin minnu. Uġigħ li f’mument jew ieħor forsi ħloqnieh aħna stess għax bqajna għaddejjin u taparsi ma smajnihiex lill-mara ta’ ħdejna twerżaq għax żewġha qed isawwatha u forsi ma staqsejniex għala dik ix-xwejħa ilha ġimgħa ma tixref imqar fit-tieqa, għax taparsi ma nafux li llejla hemm ftit jew ħafna nies reqdin taħt xi bankina, f’xi karozza jew f’xi garaxx.
Jew agħar, meta injorajna lil dik it-tifla li ma waslitx fuq din l-art għax laħqet għerqet.
Dan ifakkarni f’Marija u f’Ġużeppi, omm u missier Ġesù li terrqu sakemm sabu l-għar, u fis-sħana tal-annimali twieled it-tifel li kellu jbiddel id-dinja bl-imħabba.
Grazzi lil dik it-tfajla li għaddejja minn dipressjoni u qaltli, “Inweġġa’ wisq meta jgħiduli qum minn hemm, derri, ma jonqsok xejn, u ejja, daqt il-Milied.”
Ma’ din it-tfajla u ma’ oħrajn fhimt kemm hawn nuqqas ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali. Ma’ Richmond Foundation u ma’ Mental Health Association Gozo ħdimt u nkompli naħdem biex ikollna aktar servizzi fil-komunità għax tassew nemmen li dak huwa l-akbar bżonn li għandna f’dan il-qasam.
Il-Milied huwa tat-tfal u xtaqt ngħid grazzi kbira lit-tfal għax nistqarr li tgħallimt wisq mingħandhom. Meta żorthom fl-iskejjel, u nintefa’ nismagħhom, jirrakkuntaw, jissuġġerixxu u jistaqsu. U meta staqsewni, “Imma għaliex mhux kulħadd jieħu ħsieb l-ambjent?”, waqaft għax fhimt li dik ma kinitx mistoqsija iżda karba biex nibżgħu għall-ambjent tagħhom u ta’ dawk li ġejjin warajhom.
Kważi t-tfal kollha kellmuni fuq il-bullying. Tifla qaltli li għajruha bil-kanċer fuq Facebook. Ma ridtx nemmen għax dan mhux kliem tat-tfal. Dan kliem li wħud minna nużaw fuq il-midja soċjali.
It-tfal ma jitkellmux biss fuq il-bullying ta’ bejniethom. Jitkellmu fuq il-bullying tagħna l-kbar fuqhom. Fuq is-swat li wħud mit-tfal jaqilgħu d-dar.
Għas-sena l-ġdida ejjew nagħmlu riżoluzzjoni li nxerrdu kampanja kontra s-swat fuq it-tfal. Kampanja li tasal għand kulħadd speċjalment għand l-istess tfal. “Le, ħadd ma għandu dritt isawtek, anke jekk tagħmel xi ħaġa ħażina, anke biex jikkoreġik.”
Proprju fil-jum tal-Milied hawn nisa u rġiel jgħixuh imwerwra li se jerġgħu jaqilgħu xebgħa bl-addoċċ mill-partner tagħhom. F’jum l-ewwel tas-sena ġdida hemm mara li ma tiflaħx aktar għat-tgħajjir ta’ żewġha li jkissirha kull darba li tħossha tajba biha nfisha. Meta ħafna minna nkantaw O Lejl ta’ Skiet f’dawn il-jiem, irridu nagħmlu riżoluzzjoni biex ma nibqgħux siekta quddiem din it-tbatija.
Grazzi mill-qalb lil ħafna għaqdiet taż-żgħażagħ li aċċettaw l-istedina tiegħi li jiġu hawn fil-Palazz u jużaw dan l-ispazju biex ikomplu jkattru l-ħidma tagħhom. Għażilt li niftaħ beraħ il-Palazz għax nemmen li hawnhekk, fejn qiegħda, huwa tagħkom, tan-nies. U hawn iltaqgħu mijiet, eluf ta’ nies li ħadmu, ta’ kull età, li tkellmu flimkien, argumentaw ma’ xulxin biex xprunaw id-djalogu bejnietna.
Fil-Milied infakkru t-twelid ta’ Ġesù li meta kiber qalilna “Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati,” u qalilna “Min mhux ħati jwaddab l-ewwel ġebla.”
F’dawn il-jiem ejjew inwiegħdu lil xulxin li se nieqfu niġġudikaw minn wara dahar xulxin jew f’wiċċ xulxin fuq Facebook għax wara kollox dan huwa l-ispirtu veru tal-Milied.
Fil-Milied aħna nemmnu li Ġesù jagħżel li jitwieled ġo għar fil-faqar iżda l-fqar madwarna ma jagħżlux li jkunu fqar. Ħadd ma jagħżel li f’dawn il-jiem ma jkollux biex jixtri rigal ċkejken lil bintu. Ħadd ma jagħżel il-faqar iżda l-faqar jagħżel lilu jew lilha. U allura ejja għas-sena l-ġdida ma nibqgħux niġġudikaw u nwaħħlu fil-fqar għax huma fqar. Aktarx nagħmlu hekk biex inserrħu l-kuxjenza tagħna. Ningħaqdu kontra l-faqar.
Grazzi mill-qalb lill-Maltin u lill-Għawdxin kull meta ningħaqdu. Il-paċi bejnietna ma tfissirx li nisktu u nagħlqu ħalqna quddiem l-inġustizzji. L-awguri tagħna f’dawn il-jiem għall-paċi f’ħajjitna tfisser ġustizzja.
Allura nifraħ meta ma naqblux imma nibqgħu nħobbu lil xulxin, niġġieldu l-argumenti mingħajr odju u l-insulti personali.
Niċċelebra l-għaqda magħkom meta ningħaqdu bħala nies li ngħixu fuq din il-gżira bla differenza ta’ kulur, reliġjon, kultura, orjentazzjoni sesswali u assoċjazzjoni politika.
Grazzi lil Samwel li kien u jibqa’ ispirazzjoni għalija, lil Maleck li llum qed jirrappreżenta liż-żgħażagħ f’fora Ewropej, lil Katriel li minkejja li jbati kuljum jitlob għat-tfal l-oħra, lil Thais li fieqet u qed tiċċelebra l-ħajja, lil Nigel li dejjem kellu u issa għandu qalbu tajba, lil Ethel għall-qlubija, lill-ħidma ta’ Doris li ħallietna, lill-ġenituri li issa li wliedhom fiequ u li xorta jibqgħu jinsistu li jgħinu lil oħrajn u lilkom ħuti Maltin u Għawdxin li jibqa’ jimpurtakom minn xulxin u kull sena tagħmlu festa ta’ solidarjetà liema bħalha. Grazzi ta’ kemm tul dawn il-ħames snin għamiltuni kburija li jiena l-president tagħkom.
Jiena u żewġi Edgar u l-familji tagħna nawguralkom Milied mimli mħabba u sena mimlija saħħa.