“Meta naħdmu flimkien, nagħmlu affarijiet kbar. Kemm hi sabiħa l-għaqda!”

Dawn kienu kliem tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, meta dalgħodu indirizzat lil dawk preżenti għat-tnedija tar-Re/Max Alive 2016 Cycling Challenge.

Waqt din it-tnedija, ġiet ppreżentata s-somma ta’ €100,000 lir-Research, Innovation and Development Trust (RIDT), mmexxija mis-Sur Wilfred Kenely, fi ħdan l-Università ta’ Malta, biex jintużaw fi programm speċjalizzat fir-riċerka tal-kanċer fit-tfal.

Il-President qalet li, “meta nisma’ b’din il-ħeġġa li, sena wara l-oħra, nara kull darba li tiġi varata ‘Cycling Challenge’ tal-ALIVE, tiġini f’moħħi frażi waħda biss – ‘Kemm hi sabiħa l-għaqda!”. Il-President qalet dan, b’referenza għall-għaqda u s-sens ta’ teamwork, li jeżisti bejn iċ-ċiklisti kull darba li jagħmlu din l-isfida, imma għaqda wkoll mal-RIDT, li permezz tal-fondi miġbura waqt l-Alive Cycling Challenge, qed tkompli taħdem bla waqfien, fi ħdan l-Università ta’ Malta, bit-tama li fil-futur issir breakthrough u tinstab kura għall-kanċer.

Il-President Coleiro Preca, irringrazzjat liċ-Chairperson tal-Alive Charity Foundation, s-Sur Nicky Camilleri tal-ħidma kontinwa tiegħu, kif ukoll irringrazzjat lir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri tal-viżjoni li kellu meta’ waqqaf l-RIDT, biex b’hekk tingħata l-importanza xierqa lis-settur tar-riċerka.

Fl-aħħarnett, il-President tenniet li lanqas għandha kliem biżżejjed biex tgħid kemm hija kburija biċ-ċiklisti, li dalwaqt ser ikunu qiegħdin iħallu Malta biex bir-rota jagħmlu l-vjaġġ mill-Kroazja sal-Vatikan. Hi qalet dan filwaqt li rringrazzjathom ta’ dak kollu li qed jagħmlu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.