“Nittamaw li l-eżempju ta’ Ġorġ Agius ikompli jispirana”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija tal-ewwel volum mis-sensiela Maltin, liema volum jirrakkonta l-istorja ta’ Ġorġ Agius, magħruf bħala ‘tal-Mużew’, flimkien ma’ ġabra tat-taqbiliet tiegħu.

Il-President Coleiro Preca ddeskreviet lil Ġorġ Agius bħala ċittadin mill-aqwa ta’ din il-gżira, tant li anke dawk li qatt ma ltaqgħu miegħu personalment semgħu bih u bix-xogħol li wettaq matul is-snin. Hija qalet li Ġorġ jgħix ħajja ta’ nisrani mill-aktar eżemplari, bla ma jiġġudika lil ħadd. “Ġorġ għandu don, li jintegra ruħu sew kull fejn ikun, ma’ nies ta’ kwalunkwe livell tas-soċjetà”, qalet il-President.

Il-President żiedet tgħid li huwa permezz ta’ din l-attitudni ta’ rispett lejn id-dinjità fundamentali ta’ kull persuna li Ġorġ huwa ta’ eżempju għalina lkoll.

“Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, qed niċċelebraw it-tjubija u l-qalb tajba ta’ Ġorġ Agius. Grazzi għal Ġorġ, nistgħu nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu l-potenzjal li jgħix ħajja ta’ servizz mill-qalb lejn l-oħrajn, għall-ġid tas-soċjetà tagħna”, temmet tgħid il-President.

It-tnedija ta’ din il-pubblikazzjoni saret fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Birgu.