Dalgħodu ġiet varata l-għaxar edizzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina 2015 fil-Palazz ta’ San Anton. Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet Tonio Darmanin, il-fundatur ta’ Paqpaqli għall-Istrina spjega l-attrazzjonijiet li se jkollha Paqpaqli din is-sena, fosthom il-karozza ta’ attrazzjoni mondjali La Ferrari, u karozzi oħra bħal McLaren P1, Porsche 918 Spider, u għall-ewwel darba f’Malta, apposta għal Paqpaqli għall-Istrina, l-karozza Koenigsegg.
Din is-sena Paqpaqli għall-Istrina se ssir fl-4 t’Ottubru, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fiż-żona ta’ Ħal Farruġ. Din is-sena l-pubbliku li jattendi se jkollu l-opportunità li jsuq karozzi ta’ fama mondjali u iktar ‘l quddiem se jitħabbru attrazzjonijiet kbar oħra.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-organizzaturi u anki lill-poplu Malti u Għawdxi li dejjem b’ħeġġa kbira jikkonkorri għal Paqpaqli għall-Istrina. Waqt il-konferenza l-President tat il-kelma lis-Sinjura MaryRose Farrugia u lil binha Samuel li għal dawn l-aħħar seba’ snin kienu qed jibbenefikaw mill-Malta Community Chest Fund.
Is-Sinjura Farrugia spjegat kif grazzi għall-għajnujna tal-Malta Community Chest Fund binha Samuel li huwa nieqes mid-dawl, seta’ jintbagħat għall-kura u fl-istess ħin tlaħħaq ma’ tant spejjeż li ġabet magħha s-sitwazzjoni ta’ saħħet binha. Waqt il-konferenza tkellem ukoll Samuel li min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta spjegat li l-Malta Community Chest Fund torganizza dawn l-attivitajiet għaliex dan huwa l-unika mod kif tista’ tkompli tiġbor il-fondi biex il-persuni li jiġu bżonn l-għajnuna f’diversi sitwazzjonijiet fosthom dik ta’ kura speċjalizzata barra l-pajjiż u mediċina speċjalizzata.