‘Permezz ta’ dan l-uffiċċju, nassiguraw li nkunu viċin il-pazjenti u l-familji tagħhom’ – Il-President ta’ Malta tinawgura ‘help desk’ u l-uffiċċju tan-National Cancer Platform fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret iċ-ċentru tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo, fejn iltaqgħet u tkellmet mad-diriġenti taċ-ċentru, mal-istaff, kif ukoll mal-pazjenti li bħalissa qegħdin jingħataw il-kura fiċ-ċentru.

 

Waqt din iż-żjara, il-President inawgurat uffiċjalment help desk u l-uffiċċju tan-National Cancer Platform, liema platform tnediet taħt l-awspiċi tal-President ta’ Malta bħal għada sena.

 

Din il-platform tiġbor fiha tlettax-il għaqda mhux governattiva li jikkollaboraw flimkien b’risq persuni morda bil-kanċer. L-għaqdiet huma Action for Breast Cancer Foundation, ALIVE Charity Foundation, Aurora Support Service, Europa Donna Malta, Hospice Malta, Karl Vella Foundation, Lumiere Support Group, The Malta Community Chest Fund, Malta Male Cancer Awareness, Malta Health Network, Malta Colorectal Cancer Awareness Group, Malta Ostomy Association, Puttinu Cares u Survivors Malta.

 

“Minkejja li aħna poplu xortina tajba li għandna tant servizzi bla ħlas, l-għaqdiet mhux governattivi għandhom ukoll importanza kbira, mhux biss għall-kariżma li għandhom, imma wkoll għar-riżorsi li kapaċi joffru sabiex jikkumplimentaw dak li diġà għandna f’pajjiżna”, qalet il-President Marie-Louise Coleiro Preca.

 

Meta kienet ġiet imnedija n-National Cancer Platform, il-President kienet spjegat li kif filwaqt li l-għaqdiet iżommu l-identità tagħhom, huma ser jikkollaboraw flimkien fil-ħidma tagħhom bi skop li jgħinu lil dawk kollha morda bil-kanċer, il-familjari tagħhom u anke t-tfal.

 

Permezz tal-uffiċċju u l-help desk, in-National Cancer Platform ser tkun qed isservi ta’ pont għal dawk il-Maltin u l-Għawdxin li jiġu bżonn l-għajnuna mingħand dawn l-għaqdiet hekk kif ikunu qegħdin jirċievu kura u trattament fiċ-ċentru tal-Onkoloġija. Il-President tenniet li dan huwa pass ieħor biex kemm jista’ jkun ‘nassiguraw li ħadd ma jħossu waħdu’.

 

L-uffiċċju tan-National Cancer Platform huwa koordinat mis-sinjura Marika Fleri u jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-tmienja u nofs ta’ filgħodu u n-nofs siegħa ta’ waranofsinhar. Dawk li ma jkunux jistgħu jmorru l-uffiċċju, jistgħu faċilment jagħmlu kuntatt permezz tal-freephone 8007 2388.

Waqt l-istess żjara, is-COO taċ-ċentru tal-onkoloġija, May Caruana, ippreżentat numru ta’ kotba informattivi ġodda li ċ-ċentru nieda sabiex jiżdied l-għarfien dwar id-diversi tipi ta’ kanċer li jeżistu. Dawn jiżdiedu mal-kotba li kienu ġew varati s-sena li għaddiet.

 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, li akkumpanja lill-President waqt din iż-żjara,  qal li din is-sena se jitħabbar il-pjan nazzjonali għall-kanċer li se jkun mibni fuq tliet pilastri ewlenin: il-prevenzjoni, servizz aħjar u riċerka.

 

Intant, il-President Marie-Louise Coleiro Preca tissokta bl-attivitajiet relatati mal-Jum Dinji tal-Kanċer għada filgħodu fejn ser tkun qed tindirizza konferenza organizzata minn National Cancer Platform intitolata We Can. I Can. Din il-konferenza ser issir fil-Palazz, il-Belt Valletta, u ser tkun ukoll streamed b’mod dirett fuq il-paġni ta’ Facebook tal-President ta’ Malta u tan-National Cancer Platform.