Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għal quddiesa animata għat-tfal ġewwa l-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla

Il-bieraħ, Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għal quddiesa animata għat-tfal ġewwa l-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla.

 

Ta’ kull sena, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina, saret użanza li t-tfal tal-Isla jagħmlu ġabra għal nies fil-bżonn. Din is-sena l-flus li nġabru ser imorru għal żewġ kawżiet nobbli: għal proġett infrastrutturali fil-Kenja, u biex tingħata għajnuna finanzjarja lil mijiet ta’ familji, fosthom anke Maltin, li spiċċaw b’xejn wara t-terremot ġewwa Amatrice.

 

Il-President Coleiro Preca, li attendiet flimkien mas-Sur Edgar Preca u ċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund John Camilleri, qalet li l-istess Fondazzjoni se tkun qed tingħaqad mat-tfal tal-Isla sabiex tkun tista’ tgħin lil dawn ħutna li ħajjithom inbidlet ta’ taħt fuq.

 

Hi faħħret din l-inizjattiva annwali tat-tfal tal-Isla, li tkompli turi kemm il-poplu Malti u Għawdxi jħaddan il-valuri tas-solidarjetà u tal-imħabba, liema valuri jiddistingwuh minn popli oħra.