Programm ta’ minuti b’inizjattitiva tat-tfal – b’risq il-Malta Community Chest Fund

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Bank Ċentrali ta’ Malti għall-inizjattiva tiegħu b’risq il-Malta Community Chest Fund, bit-tneijda ta’ programm dwar ħruġ ta’ muniti b’temi soċjali. Dan il-programm se jinvolvi l‑istudenti mill‑iskejjel sekondarji kollha bit‑tema: ‘Mit‑tfal b’Solidarjetà’.

Il‑Programm tnieda uffiċjalment il‑Ġimgħa 5 ta’ Ġunju 2015 mil-President ta’ Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca, u l‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, Josef Bonnici, waqt konferenza stampa li saret il‑Bank stess.

 Il-President faħħret lill-Bank Ċentrali ta’ Malti anki għat-temi magħżula tal-programm li huma lkoll sinonimi mal-Malta Community Chest Fund.  Il‑Programm, imfassal fuq numru ta’ snin, jikkonsisti minn ħames temi: l‑Imħabba, il‑Paċi, in‑Natura/l‑Ambjent, il‑Patrimonju u l‑Logħob. It‑tema magħżula għall‑2016 hija l‑‘imħabba’. Din hi tema ewlenija tal‑Mission Statement tal‑Malta Community Chest Fund. Il‑Fond jippromwovi attivitajiet sabiex jgħin individwi bi bżonnijiet varji b’imħabba u ġenerożità.

 It‑tema tal‘imħabba’ se tiġi rrappreżentata fuq munita kommemorattiva taż‑€2 li se tinħareġ mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta permezz ta’ coin cards u stoċċijiet tal‑munita kommemorattiva, u li se jkunu disponibbli għall‑bejgħ fl‑2016. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards se jmur kollu għall‑Malta Community Chest Fund.

Id‑disinn tal‑munita se jissimbolizza -‘imħabba’ f’kuntest wiesa’ sabiex jirrifletti l‑aspett importanti tas‑solidarjetà. Se titnieda kompetizzjoni dwar id‑disinn tal‑munita fl‑iskejjel sekondarji kollha, u panel ta’ esperti se jagħżel ħames disinji li jkunu sottomessi għall‑votazzjoni mill‑istudenti. Id‑disinn rebbieħ se jkun rifless fuq il‑munita, u jingħata premju lill‑istudent/a li ssottometta/iet id‑disinn. Dawk li jiġu t‑tieni u t‑tielet se jingħataw premju wkoll, filwaqt li l‑istudenti kollha li jkunu pparteċipaw f’din il‑kompetizzjoni se jingħataw ċertifikat u tifkira.​