Rockestra bis-sehem tal-Kantant Internazzjonali Marc Storace

Dalgħodu ġiet varata Rockestra 2015 li se ssir fit-12 ta’ Settembru, 8pm, fl-MFCC Ta’ Qali.  Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Hard Rock Bar, Valletta, tħabbar kif il-mistieden speċjali ta’ din is-sena se jkun il-kantant Malti ta’ fama internazzjonali Marc Storace.  Marc Storace  li minbarra l-karriera bħala solista, huwa l-kantant prinċipali ta’ ‘Krokus’, li fl-2007 ġew onorati bid-Diamond Award hekk kif biegħu miljun album fl-Iżvizzera biss.

 

Sigmund Mifsud, id-direttur mużikali ta’ Rockestra spjega kif Marc Storace ilu mistenni s-snin minn dawk li jħobbu l-mużika Rock, u l-fatt li issa aċċetta li jieħu sehem f’dan l-avveniment tal-massa, żgur li se jkun qed jissodisfa x-xewqat ta’ dawk kollha li ilhom jistennew biex jarawh ikanta live.

 

Pawlu Borġ Bonaci, il-producer ta’ Rockestra spjega li din is-sena Rockestra se tkun waħda iktar Rock minn qatt qabel fejn se jiġu interpretati kanzunetti ta’ Led Zeppelin, Ozzy Osbourne, Iron Maiden, u  Hosier.  Il-line up tal-kantanti se jiġi mħabbar iktar tard, iżda l-preparamenti għaddejjin u se jkun hemm taħlita ta’ vuċijiet bħalma jsir kull sena. 

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Rockestra huwa avveniment kbir mistenni minn eluf ta’ nies, li f’serata ta’ divertiment ta’ mużika mill-aqwa, min jattendi jkun qed jgħin lill-mijiet ta’ nies li jitolbu l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund, li fix-xahar qed tirċievi mitejn applikazzjoni ġdida. 

 

Il-President tenniet kif il-Malta Community Chest Fund qed tonfoq kwart ta’ miljun ewro fix-xahar f’kimoterapija u kura speċjalizzata, fosthom tant tfal li sfortutanatament jimirdu b’mard serju u jkollhom bżonn mhux biss il-kura iżda għajnuna wkoll għall-familjari li jiġu mgħejjuna biex isiefru barra l-pajjiż.

 

Tħabbar kif f’Rockestra se jkun qed jinbiegħ t-shirt iddisinjat apposta għal Rockestra ta’ din is-sena, minn Hard Rock Cafe’, bil-qliegħ kollu se jmur għall-Malta Community Chest Fund.

 

Il-Biljetti ta’ Rockestra jinsabu għall-begħ mis-sit www.ooii.com.mt.  Il-Biljetti jistgħu jinxtraw fil-ħinijiet ta’ bejn id-9am u 3pm mill-uffiċċju tal-MCCF il-Belt Valletta, u mill-Palazz ta’ San Anton.

 

Fil-ħin ta’ bejn 5pm u d-9pm, biljetti Standing, se jinbiegħu ukoll mill-Kitchen Garden.

 

Il-prezzijiet tal-Biljetti huma dawn; il-biljetti Standing qed jinbiegħu għal 15 –il Ewro, il-biljetti Seated 20 Ewro, u l-biljetti VIP li jinkludu xorb, ikel u parkeġġ bla ħlas, qed jinbiegħu għal 50 ewro.

Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat fuq [email protected], jew iċempel fuq 21226 226.