Stqarrija mill-Malta Community Chest Fund

Il-Malta Community Chest Fund tirringrazzja lill-Malta Developers Association għaċ-Ċena ta’ Solidarjetà organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund, fejn inġabret is-somma sabiħa ta’ madwar 43,000 Ewro. Waqt din l-attività attendew bi ħġarhom għadd ta’ imprendituri u rappreżentanti ta’ kumpaniji Maltin u Għawdxin ilkoll f’għaqda waħda b’turija ta’ solidarjetà lejn il-Malta Community Chest Fund.

 Il-Malta Community Chest Fund qed tonfoq 250,000 ewro fix-xahar f’kimoterapija u kura speċjalizzata, u fix-xahar qed tirċievi 200 applikazzjoni ġdida għall-għajnuna minn Maltin u Għawdxin li jinħakmu minn sitwazzjonijiet varji ta’ mard sever, jew sitwazzjonijiet ta’ faqar. Il-Malta Community Chest Fund hija l-uniku fond nazzjonali li tassisti lill-Maltin u lill-Għawdxin li jkollhom bżonn kura speċjalizzata barra l-pajjiż, u tassisti wkoll lill-qraba tal-pazjenti meta jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż. ​