Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President

 
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu żaret lill-istudenti tal-mediċina u tad-dentistrija li kienu fil-Belt Valletta biex ifakkru il-Jum Dinji tad-Dijabete. Mal-200 student  taw sehemhom u offrew testijiet b’xejn għall-pubbliku.  Fost it-testijiet li kienu qed jagħmlu kien hemm it-test tad-demm għaz-zokkor, il-pressjoni, u l-kejl tal-piż. Dawk kollha li pparteċipaw ingħataw pariri  individwali għal saħħithom skont ir-riżultati li kellhom minn uffiċjali tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa.

 F’atmosfera mimlija ħajja u entużjażmu, iż-żgħażagħ taw informazzjoni ukoll kif wieħed jieħu ħsieb saħħtu. L-istudenti dentisti taw informazzjoni edukazzjoni dwar il-kura tas-snien, u kien hemm ukoll logħob edukattiv għat-tfal. L-istudenti rringrazzjaw lill-President talli żarithom u tal-appoġġ li dejjem tagħtihom.​