Strina minn Għawdex

Illum il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kompliet bl-Istrina minn Għawdex, liema attività bdiet fit-tnax ta’ Diċembru li għadda.  L-Istrina minn Għawdex saret għall-ewwel darba s-sena li għaddiet, hekk kif kienet ix-xewqa tal-President ta’ Malta li tinżel f’qalb il-komunitajiet Għawdxin.   Dalgħodu l-President issuktat bl-Istrina minn Għawdex, bi żjarat fil-lokalitajiet ta’ Kerċem, Munxar, Sannat, Fontana, Xewkija u Għajnsielem.  F’kull lokalità, il-komunitajiet ippreżentaw id-donazzjoni tagħhom lill-President b’risq l-Istrina 2015, liema flus jinġabru għall-Malta Community Chest Fund.

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet dwar il-messaġġi li jwasslilna l-presepju tal-Milied, b’Ġesu’ mwieled fil-faqar, u kif minkejja li kien fit-tbatija, Ġesu’ laqa’ lil kulħadd f’din il-grotta.  Il-President spjegat kif il-presepju tal-Milied huwa simbolu ta’ mħabba, għax meta wieħed iħobb, iħobb lil kulħadd, u jaħdem ukoll għall-għaqda u l-paċi, l-istess bħal ma għallimna Ġesu’.

  

F’kull lokalità li żaret il-President ta’ Malta, ingħatat merħba sabiħa mill-komunitajiet bi programmi artistiċi marbuta mal-Milied.  F’Kerċem, il-President ta’ Malta ġiet milqugħa mis-Sindku Mario Azzopardi, u minn għadd ta’ tfal li ppreparaw programm sabiħ marbut mal-Milied.   Wara Kerċem, il-President marret fil-Munxar fejn hemmhekk kienet milqugħa minn Carmen Said.

 

Wara l-President żaret il-lokalità tal-Fontana, u ġiet milqugħa mis-sindku Saviour Borg. Hemmhekk kien hemm jistennewha ‘l fuq minn sebgħin tifel u tifla, b’kant tal-Milied u rakkonti marbuta ma’ din il-ġrajja Qaddisa.  Wara l-Fontana,  il-President marret fil-Knisja parrokkjali tax-Xewkija fejn hemmhekk ittellgħet preżentazzjoni tal-Milied minn għadd ta’ tfal.  Fix-Xewkija, is-sindku Paul Azzopardi ppreżenta wkoll donazzjoni b’risq l-Istrina 2015.

 

L-aħħar lokalità li żaret illum il-President kien Għajnsielem fejn, milqugħa mis-sindku Franco Ciangura, ġiet imdawwra ma’ Bethlehem f’Għajnsielem fejn kien hemm għadd ta’ tfal ikantaw għanjiet tal-Milied jistennewha.

 

L-Istrina minn Għawdex tissokta għada, bil-President u s-Sur Edgar Preca jkomplu jżuru għadd ta’ lokalitajiet. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Istrina se jagħlqu fir-Rabat Għawdex.